L-Agrikoltura f’Malta hija sostenibbli?

‘Popolin’ iddiskuta s-settur agrikolu f’pajjiżna u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom il-bdiewa qabel mal-prodott jinbiegħ fis-suq. Tkellimna ma’ Sharlo Camilleri, Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u Malcolm Borġ President tal-Għaqda Bdiewa Attivi.

Camilleri tenna li l-bidwi Malti jsaqqaf wiċċu ma’ ħafna riskji għaliex jiddependi minn diversi fatturi li m’għandux kontroll fuqhom fosthom l-elementi naturali, bħal-maltemp li laqgħat lil pajjiżna fi Frar tal-2019. Minn naħa tiegħu Borġ tenna li dawn l-imsemmija riskji huma wieħed mir-raġunijiet prinċipali għalfejn is-settur agrikolu huwa inqas attraenti biex taħdem fih. Riskji oħra jinkludu l-importazzjoni tal-prodotti minn suq barrani li ħafna mid-drabi jkollhom prezzijiet orħos.

Camilleri spjega li bħala suq Malti ma jista’ qatt jikkompeti f’termini ta’ prezzijiet u kwantità meta komparata mas-suq barrani dan għaliex barra minn pajjiżna, l-bdiewa għandhom għelieqi enormi li jippermettu l-użu ta’ makkinarju u inġenji teknoloġiċi li jwasslu għall-prezzijiet iktar kompetittivi. Barra minn hekk l-ispiża għal materjal tal-produzzjoni hija ferm akbar għal bdiewa Maltin, għaliex kollox irid jiġi mportat minn barra.

Mistoqsi mill-preżentatur għaliex ma jkunx hemm ftehim bejn il-bdiewa rigward il-prodotti li għandhom jiġu imħawwla, Borġ spjega li mhuwiex faċli jew fattibbli li timponi prodott fuq bidwi għas-sempliċi raġuni li bdiewa oħra ser iħawwlu l-istess prodott, għaliex jekk hu dejjem mar tajjeb b’dan il-prodott, għandu d-dritt li jinvesti fih. Żied jgħid li dan ma jfissirx li ma nistgħux nikkordinaw aħjar biss mhijiex proċedura li ssir faċilment.

Tkellimna ma missier u iben, it-tnejn li huma bdiewa. Saħqu li l-prodott Malti huwa ħafna iktar firsk u ġenwin minn dak barrani, għaliex jinqata’ u jinbiegħ f’inqas minn 24 siegħa. Il-prodott barrani jdum ħafna iktar biex jasal għand il-konsuamtur għaliex id-distanzi għal-pitkaliji huma ħafna ikbar. Huma qalu li meta wieħed jidħol u jidra dan ix-xogħol isibha bi tqila biex joħroġ minnu.