Lokali
L-aħħar brunżar f’Malta għadu żagħżugħ u jiddeskrivi din is-sengħa bħala ħajtu

Is-sengħa tal-brunżar tinsab fl-għabex tagħha. Iżda l-aħħar brunżar f’Malta għadu żagħżugħ u għalih, din is-sengħa hija ħajtu. Huwa iben is-sengħa u ma’ TVM radd ħajr lil dawk kollha speċjalment artisti, għax huma qed iżommu li din is-sengħa ma tintilifx.

It-temperatura taħraq nar fil-forġa tal-brunżar tbexxaq tieqa fuq ix-xogħol mhux faċli f’dan il-mestier. Għadu mfittex sal-lum speċjalment mill-artisti li jikkreaw xogħlijiet fil-bronż. Iżda brunżar fadal wieħed – Chris Chetcuti. Iben is-sengħa u tgħallem mingħand missieru.

Chris Chetcuti qal “m’għandekx kollegi ma’ min tista titkellem u taqsam dak li tħoss waqt li qed taħdem. U mhux kulħadd jifhmek meta tgħid kemm kienet diffiċli din il-casting jew kemm kienet diffiċli din il-forma biex nagħmilha.

Il-forom fil-ġibs, il-lastiku, ix-xemgħa mdewba, il-bronż li jinħall u jitpoġġa fil-forom u dritt fil-forn fi sħana tikwi. Parti mill-proċess tal-ħidma tal-brunżar biex wara xogħol bir-reqqa, id-disinn fil-ġibs joħroġ fil-bronż. Xemx jew xita, bard jew sħana – it-temperatura maġenb il-forġa fejn jinħall il-bronż u l-forn fejn tingħaqad il-forma dejjem tkun tikwi. L-ikbar sfida fix-xogħol ta’ Chris hija l-kobor tal-biċċa xogħol li jkun daħal għaliha. Meta l-forom ikunu kbar u trid taqsamhom u jkun irid iserraħ fuq l-esperjenza ta’ nies tal-mistier.

Chris qal “meta qegħdin fi gżira bħal Malta fejn dan ix-xogħol spiċċajt nagħmlu jien biss, diffiċli biex issib nies li jifhmuk u li jistgħu jgħinuk malajr fl-iktar ħin li jkollok bżonn.”

Bit-tifkira ta’ missieru qatt bogħod minn ħsebijietu Chris jibqa’ jiftakar b’għożża ż-żmien li qatta jaħdem miegħu sakemm miet f’qasir il-għomor ta’ 58 sena f’Marzu li għadda. Is-sengħa tgħallimha mingħandu. Kien ukoll skultur u Chris jibqa’ jiftakar bħala l-ikbar xogħol li għamlu, il-monument tal-Granmastru La Valette fil-Belt li kien iddiżinja missieru.

Chris Chetcuti qal “għax bid-dettall fin li għandu f’ċertu partijiet tal-libsa kienet importanti li noqogħdu attenti kif nagħmlu l-casting biex inkunu ċerti li ssir tajjeb.”

Ta’ 31 sena Chris jaħseb fuq l-ikbar biċċa xogħol fil-bronż li jixtieq jaħdem.

Chris Chetcuti qal “żiemel sħiħ, żiemel daqs ta’ veru li jiġi casted sħiġ, f’darba waħda biss. Saret fi żmenijiet ilu imma li jkolli l-opportunità nagħmilha tkun sfida kbira ħafna.”

Il-forġa fil-funderija ta’ Chris Chetcuti hija bħal fjamma enormi li għandu għal din il-passjoni li saret il-karriera tiegħu u li għalkemm huwa biss jagħmilha, jemmen li għandu fejn jimxi ‘l quddiem biex is-sengħa tal-brunżar almenu għalissa ma tintemmx.