Politika
L-aħħar diskors ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru fil-Parlament

F’dak li sejjaħ l-aħħar diskors tiegħu bħala Prim Ministru fil-Parlament, Dr Joseph Muscat ddeskriva l-aħħar seba snin bħala esperjenza sabiħa.

“Bħala PM kienet avventura – ġieli kelli regrets, iżda kelli avventura sabiħa u kburi li rrapreżentajt lill-pajjiż. Mhux il-farewell speech iżda l-aħħar intervent tiegħi fil-Parlament.”

Fi stqarrija ministerjali, Dr Muscat qal li minn issa sakemm jinħatar Prim Ministru ġdid mhux se jieħu deċiżjonijiet maġġuri.

Kompla li ilu jtella’ u jniżżel meta se kien se jirriżenja u iddispjaċih li kellu jirriżenja b’dan il-mod.

“Bdejt is-sena bl-idea li nitlaq fis-sajf, minħabba l-budget għid nitlaq wara. Wara l-baġit għidt sal-aħħar tas-sena d-dieħla, wara għidt sal-baġit tas-sena ta’ wara. Is-sitwazzjoni mhix l-iktar waħda feliċi xtaqt ħriġt mod ieħor”.

Qal li għadu ma ddeċidiex jekk jibqax membru Parlamentari, li qal dejjem kienet xewqa tiegħu, u żied li filwaqt li mhu se jappoġġja lill-ebda mill-kandidati li se jikkontestaw, qal li se jkun leali lejn min jiġi elett bħala mexxej ġdid.

Il-Prim Ministru qal li jiddispjaċih li ma rnexxilux jara ċertu affarijiet jitwettqu tul it-tmexxija tiegħu, fosthom ir-riforma kostituzzjonali.

Qal li Prim Ministru m’għandux iservi aktar minn żewġ leġiżlaturi waqt li għandu jkun hemm limitu fuq kemm-il terminu jistgħu iservu d-deputati.

Fil-bidu tal-istqarrija, Dr muscat ta dettalji dwar l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal li l-involviment tal-FBI kien importanti minħabba li l-ispluzjonijiet b’bombi li saru qabel ma kinux ġew solvuti.

Qal li l-investigazzjonijiet kienu kkordinati biss mill-Pulizija u mis-servizzi tas-sigurta u kien infurmat li l-passi kruċjali saru bi ftehim u koordinament mal-Europol li taw il-pariri tagħhom.

Dr Muscat qal li l-Ħamis 19 Novembru sar rejd f’għadd ta’ lokalitajiet fuq ħasil flus. Kompla li wieħed mill-arrestati kien is-suspettat intermedjarju. Qal li dan offra li jippreżenta recordings mal-allegat mandant jekk jingħata mmunità. Dr Muscat qal li kienu l-awtoritajiet li nnegozjaw mal-avukati tal-intermedjarju u hu ma daħal f’xejn. Spjega li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija wara li semgħu r-recordings provduti mis-suspettat intermedjarju taw parir li kien hemm biżżejjed informazzjoni li setgħet tiġi ikkorroborata. Żied li d-deċiżjoni li jiffirma l-parir għall-maħfra refagħha waħdu skont poteri li għandu u wara parir tas-servizzi tas-sigurtà, l-Avukat Ġenerali u l-konsulent legali tiegħu fil-Kabinett.

Il-Prim Ministru qal li kien irċieva messaġġ ta’ theddid li jekk ma jiffirmax dikjarazzjoni li tagħti proklama lil persuna oħra, il-persuna li akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil, kien se jghid li kellu żewġ telefonati miegħu, li qal qatt ma saru, kif jista’ jiġi verifikat.

Qal li b’persuna tressqet il-qorti akkużata bħala l-mandant tad-dellitt, Malta wriet li l-istituzzjonijiet jaħdmu minkejja l-attakki bla waqfien fuqhom.

Aħbarijiet Oħra
Safar

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-lukandi u r-ristoranti (MHRA) laqgħet id-deċiżjoni tal-Gvern li jiftaħ mill-ġdid l-ajruport għalkemm tibqa’ żżomm mal-pożizzjoni tagħha li kien ikun aħjar għas-settur turistiku li kieku l-ajruport jiftaħ fil-15 ta’…

COVID-19

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qed tħeġġeġ lill-pubbliku sabiex ikun iddixiplinat u jsegwi l-pariri tal-esperti mediċi biss. Fi stqarrrija l-MAM esprimiet tħassib dwar il-proposti tal-Prim Ministru li qalet huma mingħajr bażi…

Kultura

Ir-restawr fuq l-ikbar esebit fil-Mużew Marittimu lest. Il-Pulena, li għamlet żmienha fuq il-pruwa tal-HMS Hibernia, reġgħet lura għall-glorja tagħha. Għalissa fis-skiet għaliex il-pandemija għalqet il-bibien tal-mużewijiet, imma la jerġgħu jiftħu…

Aktar