Politika
L-aħħar diskors ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru u Mexxej Laburista

Fl-aħħar diskors tiegħu bħala Mexxej Laburista u Prim Ministru, Joseph Muscat qal li se jibqa’ mal-Partit Laburista u spjega li għal ftit żmien se jibqa’ fil-Parlament waqt li wara jinvolvi ruħu f’żewġ oqsma, il-libertajiet ċivili u l-qasam sportiv.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat għamel l-aħħar diskors tiegħu f’dawn il-karigi lill-membri tal-Partit Laburista li ltaqgħu fl-ewwel sessjoni tal-Kungress tal-Partit fil-Padiljun sportiv f’Rahal Ġdid. Ħin sew qabel ma beda d-diskors tiegħu, il-padiljun kien mimli nies b’saħansitra nies fuq barra jistennew li jsellmu lil Dr Muscat u jisimgħu l-aħħar diskors tiegħu. Evidenti l-emozzjonijiet tal-membri Laburisti li dehru viżibbilment emozzjonati. Joseph Muscat wasal fil-padiljun akkumpanjat mis-sinjura Michelle Muscat u wliedu u malli daħal sellem lill-kontestanti għall-kariga ta’ mexxej laburista, Robert Abela u Chris Fearne.

Matul dan id-diskors, li fih kemm-il darba twaqqaf minn ċapċip, Dr Muscat qal li għalkemm mhux se jkun fuq quddiem, se jibqa’ mal-Partit Laburista. Spjega li għal ftit żmien se jibqa’ fil-Parlament u wara jinvolvi ruħu f’żewġ oqsma, il-libertajiet ċivili u l-qasam sportiv. Dr Muscat qal li mingħajr il-piż elettorali se jkun qed jgħid kif jaħsibha fuq il-libertajiet ċivili biex dawk id-drittijiet li sal-lum huma biss imlissna minn taħt l-ilsien jibdew jiġu dibattuti.

Joseph Muscat appella biex il-Partit Laburista ma jħalli qatt lill-firda u l-mibeghda jirbħu fuq l-imhabba. Dr Muscat qal li xħin beda jara li ma setax jassigura l-pożittività ddecieda li jħalli f’idejn ħaddiehor għax ma jrid lil ħadd jirkeb fuq l-għaqda.

Qal li hu l-ewwel wieħed li jitlob skuża għall-iżbalji li saru għax qal li fl-aħħar mill-aħħar hu kien responsabbli ta’ kollox. Joseph Muscat qal li weġġa’ hu wkoll.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fakkar fil-wegħda tal-Partit Laburista li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għal kulħadd. Qal li tela fil-Gvern, il-kontijiet raħħashom u neħħa l-agħar żejt mill-power station. Joseph Muscat qal li kieku sar kif ried il-Partit Nazzjonalista, meta ntlaqat l-interconnector, kieku l-pajjiż għadu bla dawl mill-bidu ta’ Diċembru. Qal li minħabba dan, il-Gvern investa fil-power station ġdida.

Joseph Muscat qal li sab Gvern b’250 miljun ewro deficit, 12,000 persuna tiddependi mill-assistenza soċjali, familji li kellhom jaħdmu iktar u jaqilgħu inqas. Qal li kien dan il-Gvern li wara kwart ta’ seklu żied il-paga minima. Kompla jgħid li dal-Gvern wassal ukoll biex persuni b’diżabbilità li kienu d-dar, issa qed jaħdmu.

Joseph Muscat ħeġġeġ lill-Prim Ministru ta’ warajh biex jibqa’ jieħu ħsieb l-anzjani tal-pajjiż.

Joseph Muscat qal li riforma li beda imma iddispjacih li m’għalaqhiex hi rappreżentanza ta’ iżjed nisa f’kull livell tas-soċjetà. Qal ukoll li jrid li jitneħħa l-privileġġ parlamentari biex kulħadd ikun responsabbli ta’ għemilu u kliemu.

Fost id-dispjaċiri li kellu waqt li kien fil-kariga ta’ Prim Ministru, semma’ l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u sostna li ħallas l-ikbar prezz politiku biex jissolva dan il-każ.

Joseph Muscat qal li iddispjaċih ukoll meta l-mibegħda razzjali għolliet rasha.

Joseph Muscat irringrazzja lil Michelle li qal kienet is-sinsla tiegħu speċjalment meta kien dgħajjef. Irringrazzja wkoll lill-ġenituri tiegħu li qal f’dawn is-snin inkwetaw ħafna għalih. Fuq kollox irringrazzja lit-tfal Etoile u Soleil li qal trabbew sodi ħafna.

Joseph Muscat qal li ma jiddispjaċih xejn ta’ dawn is-snin kollha ta’ ħidma. Temm id-diskors kif beda meta kien laħaq Prim Ministru, bil-kelma ‘Inħobbkom’.

 

Aħbarijiet Oħra
Temp

L-uffiċċju meterjoloġiku qed iwissi li r-riħ mill-Majjistral ser ikun qawwi f’xi waqtiet fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Ir-riħ mistenni jilħaq qawwa ta’ forza 6.

Kronaka

Dalgħodu, għall-ħabta tas-6:30, raġel Malti ta’ 72 sena nstab mejjet fiċ-ċella tiegħu. B’dan il-każ ġew infurmati minnufih il-pulizija tad-distrett biex jinvestigaw, u nħatret inkjesta bil-Maġistrat tal-Għassa, kif ukoll inkjesta interna.

Lokali

Tħabbret il-mewt taċ-Chairman tal-Bord tal-Housing Affordabbli,  Joseph Bartolo. Magħruf ukoll bħala l-Isloopy, Bartolo kien ukoll consulent fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Bosta qalu li se jibqgħu jiftakruh bħala riformatur soċjali u bejjiegħ…

Aktar