Infrastruttura
L-aħħar irtokki fil-proġett tal-junction tal-Marsa – mistenni jkun komplut fl-aħħar ta’ Frar

Fl-aħħar ta’ dan ix-xahar mistenni jitlesta il-proġett tal-junction tal-Marsa li jirrappreżenta l-akbar investiment kapitali li wettqet Infrastructure Malta mindu twaqqfet sentejn u nofs ilu. B’eluf ta’ vetturi qed jużaw kuljum is-seba’ flyovers li nbnew, bħalissa l-ħaddiema għaddejjin bl-aħħar irtokki fosthom b’faċilitajiet għall-pubbliku li jeħtieġ jivvjaġġa minn hawnhekk bil-mixi, bir-rota jew bil-karozzi tal-linja u xogħlijiet oħra ta’ tisbiħ.

Fi tliet snin, l-infrastruttura għall-ivjaġġar bejn iċ-ċentru u n-nofsinhar ta’ Malta se tkun għaddiet minn trasformazzjoni sħiħa bit-twettieq ta’ żewġ proġetti maġġuri: il-mini l-ġodda taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija . . . u aktar ‘l isfel il-proġett ta’ junction ġdida f’tarf il-Marsa li jagħti lis-sewwieqa għażla ta’ diversi rotot lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż u bil-kontra.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Fredrick Azzopardi, qal li minn hawnhekk jgħaddu l-aktar vetturi f’Malta/ Spjega li b’aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli u ebda traffic lights, hu kalkulat li l-ħin tal-ivjaġġar naqas bi kważi 80% u kien hemm tnaqqis ukoll fit-tniġġis mid-dħaħen tal-karozzi.

“Lestejna 97% tal-proġett tal-Marsa u kif qegħdin naraw qegħdin proġett wara l-ieħor inlestu ħolqa sħiħa minn katina ta’ proġetti kbar u naħseb dan hu l-ikbar proġett infrastrutturali li qatt kellna. Kien fih diversi sfidi imma m’aħniex qed ngħidu dan il-proġett issa lest allura mhux se jsiru aktar proġetti anzi tgħallimna ħafna minn dan il-proġett u qed nippreparaw aktar proġetti fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.”

Il-proġett tal-junction tal-Marsa fih żewġ pontijiet pedonali. Wieħed minnhom hu dan. Twil madwar 60 metru, jaqsam 12-il korsija ta’ vetturi u se jgħaqqad il-parti mill-qasam industrijali tal-Marsa mal-parti l-oħra, qrib iċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Hawnhekk se jkun hawn stage ewlieni tal-karozzi tal-linja u faċilitajiet ta’ park and ride.

Il-waqfa għall-karozzi tal-linja se jkollha tinda ta’ kenn għall-passsiġġieri u diġa ġew stallati tnejn minn erba’ xogħlijiet artistiċi kbar li se jsebbħu l-inħawi. Il-Perit Raphael Abdilla li kien involut fil-fażijiet kollha tal-proġett sa mit-twaqqiegħ tal-fabbriki u l-bini mill-ġdid ta’ Triq Aldo Moro ta rendikont tax-xogħlijiet li fadal biex il-proġett ikun komplut.

“Fadal biss xi xogħol żgħir fil-pontijiet pedonali li hawn tnejn minnhom, hemm is-subway li hija parti mir-rotta ċiklista li hi lesta u fadal xi xogħolijiet ta’ landscaping u tisbiħ, bażikament għaddejjin bi tħawwil tas-siġar u qed nimlew planters bil-ħamrija biex inkunu nistgħu nagħmlu s-siġar. Fadal ukoll xogħlijiet ta’ dwal dekorattivi biex insebbħu l-proġett.”

L-ambjent se jkun imsebbaħ b’600 siġra u 25,000 arbuxell li għat-tisqija tagħhom inbnew erba’ ġibjuni kbar taħt l-art. Dan il-proġett waħdu se jkun sewa €70 miljun, parti minnhom fondi tal-Unjoni Ewropea.