Enerġija
L-aħħar irtokki fuq ir-rapport tal-impatt ambjentali għall-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija

L-istudju għall-impatt ambjentali għall-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija ġie sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, ERA, waqt li l-awtoritajiet kompetenti fl-Italja qed jiffinalizzaw l-istudji biex jiġi ppreżentat ukoll ir-rapport tal-impatt ambjentali.

Fl-istudju dwar l-impatt ambjentali tal-pipeline tal-gass ġie propost li f’din iż-żona f’Delimara jinbena t-terminal li se jwassal il-gass naturali min-network Taljan għal Malta. Il-proġett tal-Melita Transgas jinsab fi stadju fejn l-istudju għall-impatt ambjentali ġie sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, ERA, waqt li l-istudji biex l-istess EIA jiġi sottomess lill-awtorità kompetenti fl-Italja qed jiġu finalizzati.

L-istudju marittimu twettaq b’ħames tipi ta’ stħarriġ fejn il-151 kilometru tar-rotta tal-pipeline bejn Malta u Sqallija ġiet analizzata b’teknoloġija apposta u matul dan l-istħarriġ ittieħdu kampjuni minn qiegħ il-baħar u wkoll kampjuni tal-ilma. Saru wkoll studji fuq ir-rotta tal-art, kemm Malta u wkoll Gela fi Sqallija biex tkun studjata l-ġeoloġija u t-tipoloġija tar-rotta magħżula.

”Is-sit ġie magħżul għax waħda mill-vantaġġi primarji tiegħu hija li se tkun qed tiffiaċilità l-użu ta’ microtunneling technology biex il-pipeline jidħol ġewwa t-terminal…. Ġiet imwittija t-triq u se jkollna aċċess għat-terminal. Kif din it-triq tkun lesta jibda t-tieni proċess f’fażi ta’ żvilupp li se jkun jitwitta t-terminal. Dik l-għolja li qegħdin naraw ġiet analizzata għal contamination, instab li hu ta’ livell tajjeb u jista’ jiġi utilizzata mill-ġdid għat-terminal.”

L-Inġinier D’Amato spjega li waqt il-fażi ta’ disinn tat-terminal sar studju speċifiku minn kumpanija Taljana biex jiġi assigurat li dan ix-xogħol għall-pipeline tal-gass ma jolqot bl-ebda mod il-bajja ta’ Marsaxlokk. Il-microtunnel se jkun ta’ madwar 1.2 kilometru u se jiżbokka f’fond ta’ madwar 42 metru madwar 600 metru ‘l bogħod mill-kosta ta’ Delimara.

Fuq parti oħra ta’ Delimara mbagħad, qrib Kalanka, joħroġ il-microtunnel u jibda triqtu lejn il-kosta ta’ Sqallija. Il-pipeline mbagħad jasal fil-kosta ta’ Sqallija u r-rotta fuq l-art tkun twila madwar 7 kilometri sakemm jasal fl-impjant ta’ Gela.

Dawn l-istudji kienu kollha parzjalment iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

”Il-proġett tal-pipeline tal-gass ġie magħżul mill-Kummissjoni Ewropea bħala proġett ta’ interess komuni fl-2013 u ġie kkonfermat ukoll fl-2015, fl-2017 u riċentement fl-2019. Dan għamilha possibbli biex l-istudji kollha li saru f’dawn l-aħħar snin setgħu jiġu iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm tal-Connecting Europe Facility.”

Il-fondi laħqu 4.5 miljun ewro. Ġie spjegat ukoll li permezz ta’ website l-pubbliku jista’ jżomm ruħu infurmat fuq kull aspett tekniku, regolatorju u wkoll amministrattiv.