L-aħħar irtokki fuq l-Għanja tal-Poplu – il-festival li jirrifletti l-ħajja Maltija

Għaddejin l-aħħar irtokki u tħejjijiet għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Għanja tal-Poplu – il-festival tal-kanzunetta Maltija li fih jispikkaw il-kanzunetti b’temi soċjali. Il-festival li ser issir is-Sibt li ġej, din is-sena qed isir b’kollaborazzjoni mal-Public Broadcasting Services u se jixxandar fuq Radju Malta u TVM2.

L-Għanja tal-Poplu – il-festival li jagħti importanza lill-ilsien Malti b’kanzunetti b’temi ħafna drabi soċjali li jiriflettu dak li tkun għaddejja minnu s-soċjetà Maltija. Dan il-festival ġie organizzat għall-ewwel darba fl-1973 mill-Youth Travel Circle, il-YTC; u matul iż-żmien żviluppa bħala appuntament importanti fil-kalendarju kulturali u mużikali.

“Li jispikka fil-festival L-Għanja tal-Poplu huwa l-ġeneri differenti li nisimgħu ta’ mużika. Awturi u kompożituri jesperimentaw imma fuq kollox il-kliem li jmissu temi soċjali. Satira politika. Konnha aħna tal-YTC li bdejna nsemmgħu minn fuq l-istazzjonijiet tar-readju permezz tal-kanzunetti dawn it-tip ta’ kanzunetti li jagħtu spectru viżjoni sħiħa tal-vera ħajja Maltija,” qal il-koordinatur tal-midja, Tony Micallef.

Għad-39 edizzjoni tal-festival se jikkompetu 16-il kanzunetta li ntgħażlu minn fost 105 li ġew sottomessi. Tony Micallef stqarr li l-interess li juru l-kantanti, awturi u kompożituri żgħażagħ f’dan il-festival jagħmel ħafna kuraġġ lill-kumitat organizattiv.

Fattur li jiddistingwi dan il-festival minn oħrajn hu li ma tintużax mużika rrekordjata.

Tony Micallef spjega li b’kollaboazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018, il-kanzunetti tal-Għanja tal-Poplu li jintuza għall-avvenimenti li se jsiru meta l-Belt tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

L-Għanja tal-Poplu nhar is-Sibt se jixxandar dirett fuq Radju Malta u imbagħad fil-31 ta’ Marzu fuq TVM2.