Lokali
L-aħħar provi għal sistema elettronika ġdida fl-għadd tal-voti

Il-Kummissjoni Elettorali ser tibda l-provi aħħarin fuq is-sistema elettronika tal-għadd tal-voti li ser tbiddel radikalment il-mod kif kienet tinħoloq l-istennija għar-riżultat tal-elezzjonijiet.

Is-sistema elettronika ser tintuża għall-ewwel darba fl-appuntamenti elettorali tas-sena d-dieħla meta jsiru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-elezzjonijiet lokali. Il-Kummissjoni Elettorali żvelat it-tħejjijiet loġistiċi li għamlet fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar bl-installazzjoni ta’ tagħmir li ser iħaffef il-proċess tal-għadd tal-voti.

Iċ-ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar ġie mgħammar b’tagħmir biex l-għadd tal-voti fl-appuntamenti elettorali li jmiss, f’Mejju tas-sena d-dieħla, jsir b’mod elettroniku.

Wara xhur ta’ tħejjija, il-kummissjoni elettorali ħadet lill-ġurnalisti fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar fejn 26 scanner – tnejn għal kull distrett – u numru ta’ monitors ħadu post l-imwejjed twal u l-garzelli tal-injam fejn kienu jinxteħtu l-voti qabel jiġu magħduda.

Il-Kummissarju Elettorali Ewlieni, Joseph Church, qal li bl-għadd tal-vot b’mod elettroniku, ir-riżultat ikun magħruf ferm aktar malajr u b’aktar preċiżjoni.

“Jiena ovvjament flimkien mal-Kummissjoni mhux se ngħid nittamaw, konvinti li se jsir hekk, li fl-istess ġurnata li jibda l-għadd tispiċċa qed ngħidu dawk it-tnax – erbatax-il siegħa” qal is-Sur Church.

Huwa qal li madankollu r-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ma jistax jiġi pubblikat qabel l-għaxra tal-Ħadd filgħaxija minħabba li tkun għadha għaddejja l-votazzjoni fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewopea.

Spjega li f’Mejju li ġej, l-ewwel se jsir l-għadd tal-voti tal-Parlament Ewropew, u wara jumejn jibda l-għadd tal-voti tat-68 Kunsilli Lokali.

” Dan ikollok tlett iġranet differenti, naħsbu li jkun l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa tal-ġimgħa ta’ wara l-Ħadd u hemmhekk ovvjament isir l-għadd ta’ kull lokalità u sal-Ġimgħa nkunu għalaqna l-Kunsilli nisperaw” qal is-Sur Church.

Spjega li l-kaxxi kollha se jiġu reġistrati fis-sistema u mbagħad jibdew jinħarġu l-poloz tal-voti biex jiġu skenjati. Qal li madankollu għadu mhux deċiż x’ħin se jibdew jiġu skenjati l-poloz tal-voti tal-Parlament Ewropew, meta Malta tiġi kunsidrata bħala distrett wieħed.

Is-Sur Church qal “ovvjament aħna wara reġistratzzjoni nibdew naraw l-affarijiet humiex dubjużi jew le u ovvjament hemm sistema sħiħa għaddejja jiġifieri anke mdorrijin taraw lill-counting assistants, supervisors, calculators dawk mhux se jkunu hemm iktar.”

Fil-preżentazzjoni tat-tagħmir elettroniku, il-Kummissjoni Elettorali rrimarkat li l-karta tal-vot se tkun eħxen u se tinkludi ritratt tal-kandidati.

Is-Sur Church spjega li nhar is-Sibt se ssir l-ewwel prova tal-għadd tal-voti b’ din is-sistema, ipprovduta mill-grupp Ingliż IDOX. Fl-1 ta’ Diċembru mbagħad, se ssir prova oħra akbar daqslikieku qed jingħaddu l-voti ta’ elezzjoni proprja. Qal li sistema identika bħal din tintuża fl-Iskozja fejn is-sistema tal-votazzjoni hi bħal ta’ Malta.

Ara wkoll:

ARA: Daqshekk stennija għar-riżultati elettorali uffiċjali – jinħarġu dakinhar stess

Aħbarijiet Oħra
Elezzjoni

Il-Kap tal-Moviment Patrijotti Maltin Henry Battistino qal li wara li ħareġ ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew se jirriżenja. Fuq Facebook huwa kiteb li l-Partit li jħobb kellu disfatta u għalhekk se…

Lokali

Uffiċjali tad-Dwana mit-Taqsima tal-Propjetà Intellettwali nterċettaw container fil-Freeport li kien qed iġorr 26,688 qalziet tal-jeans ta’ ditta rinomata li però rriżultaw li kienu kontrafatti (foloz). Fi stqarrija maħruġa mid-Dwana ntqal…

Mużika

Il-grupp mużikali Meadow Strings ħareġ kanzunetta ġdida Alive. Meadow Strings huwa kompost minn Magdalene Farrugia u Mario Camileri. Fil-kanzunetta tagħhom, Alive huma japprezzaw is-sbuħija u l-importanza tal-ambjent. Miġbud qal is-siġar tal-Buskett…

Kronaka

Raġel ta’ 60 sena ndarab gravi wara li laqtitu l-karozza malli niżel minnha. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-7.45am fi Triq ix-Xatt, il-Kalkara. Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ…

Aktar