L-aħħar tislima lil Rodwan, it-tifel fost 10 aħwa li miet traġikament

L-Iskola ta’ St Catherine’s f’Pembroke illum kienet f’luttu u tħassru l-lezzjonijiet fil-klassi tat-tifel Libjan ta’ 10 snin li s-Sibt li għadda miet traġikment f’inċident tat-traffiku f’St Andrews.

Illum is-sewwieq Tork li għandu restorant f’Malta tressaq il-Qorti mixli bil-qtil involontarju ta’ Rodwan Aghil li kellu għaxar snin.

Il-familja tat-tfajjel Rodwan Aghil, għadha ma tistax temmen dak li seħħ jumejn ilu, tefa ta’ ġebla ‘il bogħod mid-dar tagħhom. U waqt li n-nuqqas tat-tiflel se jibqa’ jinħass kemm mill-ġenituri tiegħu u mid-disa’ ħutu, it-Tnejn wara nofsinhar Rodwan indifen fiċ-ċimiterju tal-Moskea, f’Raħal Ġdid. Kien servizz mill-aktar sempliċi mmexxi mill-Imam Mohammed El Sabi li fih, missieru u wħud minn ħutu, u għad kbir ta’ ħbieb tal-familja tat-tifel tawh l-aħħar tislima.

Attendew ukoll studenti u għalliema tal-Iskola ta’ St Catherine’s f’Pembroke, ilkoll imbikkmin li wieħed minn sħabhom ħallihom bħal sajjetta fil-bnazzi, ftit wara li kien ma’ whud minnhom iħejju preżentazzjoni fuq Malta għall-Open Day fl-iskola dakinhar stess tal-inċident traġiku.

Fid-dawl ta’ dan, l-amministrazzjoni tal-iskola St Catherines ħassret il-lezzjonijiet u minflok ġabet psikologu biex jgħin lit-tfal u l-għalliema ta’ Rodwan, joħorġu mit-trawma.

Ftit ħin qabel il-funeral tat-tfajjel, Fatih Pancar ta’ 38 sena, imwieled it-Turkija u li ilu 16-il sena jgħix f’Malta tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil involontarju tat-tifel.

Pancar li għandu restorant ġie akkużat ukoll b’sewqan traskurat u li kien qed isuq b’veloċità eċċessiva. Huwa wieġeb li mhux ħati u ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €10,000 u depożitu ta’ €500.

L-inċident fatali seħħ nhar is-Sibt li ghadda għall-ħabta tat-tlieta u nofs meta Rodwan Aghil, kien għadu kemm ħareġ mid-dar tal-ġenituri tiegħu biex imur jixtri xi ħelu minn ħanut li hemm f’Tal-Ibraġġ.

L-aħħar li tkellem kien ma’ missieru, li tah €2 u qallu biex jibqa’ sejjer l-iskola jiltaqa’ ma’ ħutu u sħabu. Iżda hekk kif kien qed jaqsam it-triq, huwa ntlaqat minn karozza misjuqa minn Fatih Pancar li jgħix San Pawl il-Baħar.

L-identifikazzjoni tat-tifel damet kważi tliet sigħat minħabba li l-ġenituri kienu bl-impressjoni li Rodwan Aghil kien l-iskola waqt li ħutu li jattendi l-istess skola ħasbu li huwa baqa’ d-dar. Meta ħutu marru lura d-dar u staqsew għal Rodwan mill-ewwel qamu s-suspetti li seta’ ġralu xi ħaġa u ħadu l-aħbar traġika ftit wara meta ntalbu jmorru l-Isptar Mater Dei. Kien hawnhekk li huma identifikaw lil binhom mejjet.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza l-forum dinji fejn ħabbar li għaxar operaturi tal-kannabis mediċinali kienu approvati mill-Malta Enterprise u anke se japplikaw mal-Awtorità tal-Mediċini biex jingħataw liċenzja. Dr Muscat qal…

Lokali

Riesqa lejn l-aħħar il-Presidenza ta’ Marie-Louise Coleiro Preca, bil-President Marie Louise Coliero Preca tiddeskrivi l-poplu Malti bħala wieħed ġeneruż li jaf jogħla ‘l fuq mill-argumenti u jingħaqad flimkien biex jesprimi…

Lokali

Il-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta beda jiltaqa’ f’Malta u qed jiddiskuti proposti biex isaħħaħ il-vuċi tal-Maltin imferxa f’diversi komunitajiet madwar id-dinja. Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru Carmelo Abela qal li…

Aktar