Politika
“L-aħħar xhur urew servizz pubbliku li jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies” – Il-Kap taċ-Ċivil

L-aħħar xhur urew servizz pubbliku li jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Qal dan is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar waqt żjara li għamel lill-President ta’ Malta George Vella. Iż-żjara saret fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Servizzi Pubbliċi ċċelebrat illum it-23 ta’ Ġunju.

Il-Kap taċ-Ċivil qal li l-uffiċjali pubbliċi minn dejjem kienu minn ta’ quddiem biex jagħtu servizz lill-pajjiż u qatt ma ddiżappuntaw f’kull mument ta’ prova. Huwa radd ħajr lill-uffiċjali kollha li matul iż-żmien għamlu ġieħ lis-servizz pubbliku u għamlu differenza fil-ħajja tan-nies.

“F’moħħi jiġu l-infermiera u l-frontliners, l-uffiċjali pubbliċi li ma ħallewx il-pazjenti tagħna waħedhom f’dawn l-aħħar xhur. Lill-pulizija, is-suldati u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li ssibhom dejjem lesti jissugraw ħajjithom. Iżda wkoll uffiċjali pubbliċi oħra li kienu strumentali għal kull bidla fil-pajjiż, fosthom waqt il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew jew id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dak ukoll huwa s-servizz pubbliku li jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.”

Is-Sur Cutajar qal li s-servizz pubbliku dejjem għaraf iġedded lilu nnifsu u żied jgħid li l-proċess ta’ tiġdid fl-aħħar snin wassal għal iktar minn elf miżura ta’ simplifikazzjoni, flimkien mal-bidla fil-mod kif jingħata s-servizz. Qal li s-Servizz Pubbliku dejjem żamm in-nies fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu.

Żied jgħid li wara t-tiġdid imiss it-tisħiħ tas-servizz pubbliku, permezz ta’ strateġija ġdida ta’ ħames snin; l-ewwel waħda tax-xorta tagħha. L-istrateġija, li tidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla, se torbot it-tliet elementi ewlenin tat-teknoloġija, in-nies u s-servizz – biex is-servizz pubbliku jkompli jżomm servizz ta’ eċċellenza li jrid jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi.

Il-President ta’ Malta, George Vella, qal li l-pandemija ġegħlitna mill-ġdid nikkunsidraw il-perċezzjoni tal-importanza ta’ kull xogħol fis-settur pubbliku.

Il-President Vella ħeġġeġ lil kull ħaddiem fis-servizz pubbliku biex ikomplu jaqdu dmirhom bl-etika, il-kontabilità u t-trasparenza.