Elezzjoni
L-aħħar żewġ elezzjonijiet swew lill-pajjiż aktar minn €7 miljun

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli lokali li saru f’Mejju li għadda swew lill-pajjiż aktar minn seba’ miljun ewro. Dan joħroġ mir-rapport dettaljat tal-Kummissjoni Elettorali li fost oħrajn jagħmel analiżi tas-sistema elettronika tal-għadd tal-voti li ntużat għall-ewwel darba f’Malta.

Il-proċess elettorali li huwa vitali għad-demokrazija għandu wkoll il-prezz tiegħu. Rapport tal-Kummissjoni Elettorali dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali li saru f’Mejju li għadda juri fost oħrajn li l-organizzazzjoni ta’ dawn l-elezzjonijiet swiet lill-pajjiż ftit aktar minn seba’ miljun u sebat elef ewro. L-ikbar spiża kienet għas-sistema elettronika tal-għadd tal-voti li ntużat għall-ewwel darba. Din swiet aktar minn żewġ miljun ewro. Kważi tliet miljun oħra tħallsu lill-Assistenti Kummissarji Elettorali u lill-ħaddiema oħra li ġew ingaġġati mill-Kummissjoni Elettorali fuq bażi temporanja biex jgħin fit-tmexxija tal-elezzjonijiet.

It-titjiriet sussidjati tal-Air Malta biex ġew jivvutaw eletturi li jgħixu barra minn Malta swiet aktar minn tmien mitt elf ewro oħra, li mhumiex parti mir-rendikont finanzjarju tal-Kummissjoni Elettorali. Din il-faċilità ta’ titjiriet sussidjati bil-prezz ta’ disgħin ewro bit-taxxi inklużi ntużat minn 525 votant u magħhom 270 persuni dipendenti. Il-maġġoranza tagħhom, 43% ġew minn Londra u 29% oħra ġew minn Brussell.

Fir-rapport jingħad li l-Kummissjoni Elettorali flimkien ma’ rappreżentanti tal-partiti u l-kuntrattur għamlu evalwazzjoni ta’ kif ħadmet is-sistema elettronika tal-għadd tal-voti. Intqal li filwaqt li r-reazzjoni għas-sistema elettronika kienet pożittiva ħafna, saru osservazzjonijiet u suġġerimenti biex dal-proċess ikompli jitjieb f’elezzjonijiet oħra fil-futur. Il-Kummissjoni Elettorali f’dan ir-rapport irrakomandat tibdil fis-sistema tad-dokument tal-vot li qalet jinvolvi ħafna xogħol. Qalet li temmen li hemm fejn dan il-proċess jitjieb u jitħaffef u forsi jinstab mezz alternattiv għad-dokument tal-vot mingħajr ma tiġi mittiefsa l-integrità tal-proċess elettorali.