Lokali
L-aħwa Degiorgio b’kawża kontra l-President ukoll wara li ġiet rifjutata t-talba għall-proklama

Dalgħodu l-aħwa George u Alfred Degiorgio, li jinsabu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fetħu żewġ kawżi kontra l-President, il-Prim Ministru, il-Kabinett, il-Kummissarju tal-Pulizija, il-ministru tal-Gustizzja, l-Avukat Generali u l-Avukat tal-Istati.  F’dawn il-kawżi huma attakkaw id-deċiżjoni tal-Kabinett li lbieraħ iddeċieda li ma jilqax it-talba għall-proklama li huma kienu ressqu fis-26 ta’ April li għadda.

F’seduta dalgħodu, Dr Stefano Filletti, li qed jirrappreżenta lill-President ta’ Malta, qal li l-liġijiet f’Malta jgħidu b’mod ċar li ma tistax tittieħed azzjoni legali fil-qrati ċivili kontra l-President ta’ Malta għal affarijiet li jkun għamel waqt il-qadi ta’ dmirijietu.

L-Avukat tal-Istat Dr Chris Soler qal li qabel il-każ ikun jista’ jipproċedi, jinħtieġ li jiġu indirizzati numru ta’ talbiet li saru.  Min-naħa tiegħu l-Avukat William Cuschieri, li qed jidher għall-aħwa Degiorgio, qal li fil-konfront tal-klijenti tiegħu qed jintużaw tattiċi intiżi biex il-każ tagħhom idum. Hu qal li jinsab lest li jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu fil-konfront tal-President ta’ Malta.

Il-Qorti talbet lil Dr Cuschieri biex jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu u ordnat lill-avukat tal-Istat biex fis-seduta li jmiss iressaq l-evidenza fuq it-talbiet preliminari.