Qorti
L-aħwa Degiorgio jitolbu laqgħa ma’ Gomes u Casa, l-MEPs jirreaġixxu

L-aħwa Degiorgio, li qed ikunu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia talbu l-awtorizzazzjoni tal-Qorti biex jiltaqgħu mal-MEPs Ana Gomes u David Casa fil-preżenza tal-midja barranija.

Din ir-rikjesta partikolari ntalbet mill-avukat William Cuchieri llum. L-avukat staqsa  lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit biex tawtorizza din il-laqgħa bejn l-akkużati ma’ Gomes u Casa, fil-preżenza tal-midja barranija.

Il-prosekuzzjoni u l-avukati dehru sorpriżi b’din it-talba u qalu li din kienet talba straordinarja li tmur lil hinn mill-għan tal-proċess ġudizzjarju. L-Assistent Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia qal li jħossu mibluh b’din it-talba għax qal li ġeneralment id-difiża ma tkunx tixtieq il-midja. Qal li l-liġi tagħti diversi miżuri u qal li dan il-każ huwa suġġett għall-proċess ġudizzjarju, saħaq li l-politiċi, midja u entitajiet terzi għandhom jitħallew barra.

Min-naħa tiegħu l-avukat tal-familja ta’ Caruana Galizia, Jason Azzopardi qal li din it-talba għandha tiġi diskussa bil-bibien magħluqa. Qal li jibża’ li dak li jintqal fil-laqgħa joħroġ fil-midja, kif inhu d-dover tal-ġurnalisti, u wara d-difiża tista’ targumenta li nkissru d-drittijiet tal-akkużati.

Min-naħa tiegħu l-avukat William Cuchieri qal li ma jafx l-għan tal-klijenti tiegħu għal din il-laqgħa u qal li hu talab l-awtorizzazzjoni tal-Qorti. Żied jgħid li ma kinitx id-difiża li marret titkellem mal-pulizija barranija fuq il-laptop.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit staqsiet kif tista’ tkun parti minn xi ħaġa li tista’ tikser id-drittijiet. Sadanitant il-prosekuzzjoni u l-avukati tal-parti ċivili għandhom jippreżentaw ir-risposta tagħhom għal din it-talba sa nhar it-Tnejn.

Intant fi stqarrija, l-MEPs David Cassa u Ana Gomes qalu li l-politiċi ma jinnegozzjawx ma’ persuni  li qed jinżamu arrestati suspettati bi qtil. Qalu li jekk l-akkużati jridu jagħmlu xi konfessjoni għandhom jagħmlu dan lill-Maġistrat u jekk iridu jagħmlu stqarrija pubblika jistgħu jagħmlu dan fil-Qorti jew billi joħorġu stqarrija permezz tal-avukat tagħhom. Saħqu li huma ma jistgħux jagħmlu xogħol il-maġistrat jew il-pulizija u l-prosekuzzjoni.

Aħbarijiet Oħra
Relazzjonijiet Industrijali

Il-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, Paul Pace, qal lil TVM li jista’ jkun hemm żblokk ma’ Steward Healthcare biex l-MUMN tkun tista’ tneħħi d-direttivi ta’ azzjonijiet industrijali lill-carers fl-isptar Karen…

Politika

Il-President George Vella llum iltaqa’ mal-President tal-Awstrija; Alexander Van der Bellen, waqt li qiegħed għal żjara fl-Awstrija. Il-President Awstrijakk tkellem dwar ir-rabtiet b’saħħithom bejn iż-żewġ pajjiżi u kif dawn komplew…

Kultura

Illejla qed jiġi inawgurat il-presepju tradizzjonali Malti fi Vjenna. Dan il-presepju se jkun esibit f’wieħed mill-ikbar swieq tal-Milied fl-Ewropa. Wara li kien għall-wiri fil-Pjazza tal-Vatikan fl-2016, fil-Pjazza tal-Maxtura f’Betlem fl-2017…

Kultura

Tela’ s-siparju fuq id-disa’ edizzjoni tal-Festival Żigużajg, li ser isir fuq medda ta’ għaxart ijiem. Din is-sena mal-130 artist qed jieħdu sehem f’numru ta’ proġetti artistiċi, li fi kliem id-Direttur…

Aktar