Qorti
L-aħwa Degiorgio u Vince Muscat jitilfu kawża dwar il-mod kif ġew arrestati

L-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat tilfu kawża kostituzzjonali li fiha lmentaw dwar il-mod kif ġew arrestati.

Huma fetħu l-kawża fil-konfront tal-Avukat tal-Istat u l-Kummissarju tal-Pulizija għalkemm fil-kors tagħha ġew awtorizzati jintevjenu l-armel u t-tlitt itfal ta’ Daphne Caruana Galizia.

Waqt li l-aħwa Degiorio qed jistennew li jgħaddu ġuri mixlijin bil-qtil ta’ Caruana Galizia, Muscat kien ikkundannat 15-il sena wara li ammetta l-involviment tiegħu fid-delitt.

It-tlieta li huma lmentaw li ma ġewx murija l-mandat tal-arrest la meta ġew arrestati fil-Marsa fl-4 ta’ Diċembru 2017 u lanqas meta saru tfittxijiet mill-Pulizija f’San Pawl il-Baħar, l-Imsida u s-Siġġiewi fejn kienu joqgħodu u lanqas ma ġew infurmati dwar għala kienu qed jiġu arrestati.

Madankollu l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri kkonkludiet li ma kien hemm ksur fid-drittijiet tagħhom fl-arrest u fit-tfittxijiet u għalhekk warrbet it-talba tagħhom.