COVID-19
L-Air Malta bi sfidi kbar – tista topera b’nofs il-flotta tagħha

Is-sospensjoni tar-rotot tal-Air Malta lejn ħames pajjiżi Ewropej, qiegħed iwassal għal telf kbir għal linja nazzjonali li kwazi tista’ taħdem b’nofs il-flotta tagħha sakemm l-ivvjaġġar lejn dawn il-pajjiżi jibqa sospiż. Sorsi viċin l-industrija qal lil TVM, li l-kumpanija madankollu trid tħallas għal kirjiet tal-ajruplani u għal manutenzjoni tagħhom li jiswew miljuni ta’ ewro kull xahar u magħhom l-ispejjes ta’ pagi tal-ekwipaġġ.

Mistoqsi minn Television Malta dwar jekk il-ħaddiema tal-Air Malta humiex ser jintalbu ma jirrapurtawx għax-xogħol minħabba l-waqfien tat-titjiriet, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li sakemm jerġa jirritorna kollox għan-normal, indika li l-ħaddiema ser jibqgħu jaħdmu.

“Il-fatt li ħassarna ċertu titjiriet u allura hemm ċertu xogħol li l-cabin crew u l-piloti issa mhux ser ikunu qegħdin jagħmlu, ma jfissirx li ma għandhomx x’jagħmlu – ser ikun xogħol ieħor assenjat lilhom.”

Il-Ministru Schembri żied jgħid li union qegħdin jikkoperaw biex l-Air Malta tegħleb din l-isfida.

“Kulħadd qiegħed jirrikonoxxi is-sena ta’ responsabiltà f’dan il-mument u anki xi tilwimiet li kien ikun hemm fuq issues li mhumiex relatati ma dak li qiegħed jinħoloq bħalissa tpoġġew mal-ġenb sabiex naraw l-interess nazzjonali fuq kwalunwe interess. Għalhekk nirringrazzja lil unions li għarfu dan.”

Mill-aspett finanzjarju, l-Minsitru qal li appella lil Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni biex il-Gvern ikun jista’ jgħin finanzjarjament lill-Air Malta mingħajr ma jikser il-ligijiet tal-kompettizzjoni li ma jipermettux li l-Gvern jagħmel tajjeb għat-telf ta’ linja tal-ajru.

“Nista ngħid li sibt appoġġ min kulħadd biex f’dan il-perjodu partikolari ikun hemm laxkezza f’dik li jgħidulha state aid issues. Fiduċjuż li se nkunu qed nersqu lejn din id-direzzjoni għaliex din m’hijiex sfida ta’ pajjiż wieħed iżda sfida għad-dinja.”

Il-Ministru Schembri qal li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jħabbar numru ta’ miżuri  ta’ għajnuna għan-negozji ż-żgħar biex itaffi l-isfidi li qed jaffaċċjaw.