Lokali
L-Air Malta ħallset €22 miljun f’rifużjoni għal titjiriet ikkanċellati bil-pandemija

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta, David Curmi, żvela li l-linja nazzjonali tal-ajru ħallset €22 miljun f’rifużjoni għal dawk in-nies li kellhom it-titjiriet tagħhom ikkanċellati minħabba l-pandemija. Intervistat minn Glen Falzon fil-programm Insights fuq Television Malta, is-Sur Curmi spjega r-raġuni għala n-nies għadhom mhux jaraw il-flus fil-kont bankarju tagħhom.

“Minn informazzjoni li għandi u ċert fuqha din li aħna ħafna drabi nkunu tajna r-refund lill-online booking platform, sewwa, u l-online booking platform għadha qed tipproċessa hi r-refund lill-klijent. Jiġifieri aħna min-naħa tagħna kellna delays għax tista’ timmaġina li jkollok 150,000 talba għal refund li ma tistax tipproċessawhom f’daqqa. Però issa s-sitwazzjoni tjiebet ħafna. Ir-refunds pendenti li għandna huma ftit.”

Mistoqsi kemm hemm pendenti, is-Sur Curmi qal “ammonti żgħar ħafna fejn dak li semmejtlek jien. Però ħriġna wkoll 70,000 vawċers. Apparti €22 miljun. Kien hemm min ma riedx refund u aħna tajnieh vawċer.”

Fil-programm iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta kien mistoqsi fost oħrajn fuq il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija u dwar x’inhuma s-soluzzjonijiet biex il-kumpanija ma tagħlaqx il-bibien tagħha.

Il-programm Insights jixxandar illejla fl-10.30pm fuq Television Malta.