Lokali
L-Air Malta se żżid it-titjiriet għas-sajf

L-Air Malta se tkun qed iżżid it-titjiriet tagħha kif ippjanat f’Ġunju.

Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li bil-frekwenzi miżjuda u bil-bidu mill-ġdid tas-servizzi lejn il-bliet Ewropej ta’ Lisbona, Munich, Praga u Vjenna, il-linja tal-ajru qed tippjana li topera 51 titjira ta’ ritorn kull ġimgħa lejn 15-il destinazzjoni f’Ġunju.

Waqt li kien qed jikkummenta dwar ix-xejriet attwali tal-prenotazzjoni Roy Kinnear, il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta qal, “hekk kif il-pajjiżi bdew inaqqsu r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar tagħhom u jqiegħdu lill-Gżejjer Maltin fuq il-listi tal-ivvjaġġar sikuri tagħhom, bdejna naraw żieda fid-domanda. B’mod partikolari, il-Ġermanja u l-Olanda qed naraw żieda fil-prenotazzjonijiet. Aktar kmieni dan ix-xahar aħna impenjajna ruħna li noperaw aktar minn 1,500 titjira ta’ ritorn dan is-sajf u noffru għall-bejgħ aktar minn nofs miljun post u se nkomplu fiddirezzjoni biex nagħmlu dan.”

L-Air Malta se tkompli tiżgura serħan tal-moħħ meta klijenti jipprenotaw t-titjiriet billi neħħiet it-tariffi tal-prenotazzjoni mill-ġdid jekk ikunu jridu jbiddlu l-itinerarju tagħhom.

Din il-faċilità ġiet estiża sal-31ta’ Ottubru 2021. Il-linja tal-ajru se tkompli tapplika wkoll it-tariffa mnaqqsa għat-tibdil tal-isem ta’ Eur 5 biss. Termini u kundizzjonijiet oħra tal-biljetti, inkluż li l-ivvjaġġar irid jitlesta sal-31 ta’ Diċembru 2021, se jibqgħu l-istess.