Avjazzjoni
L-Air Malta topera l-ewwel titjira għall-Indja

L-Air Malta kitbet paġna oħra fl-istorja tagħha meta ajruplan tal-linja nazzjonali tar għall-ewwel darba lejn l-Indja biex ħa lura f’Kerala 110 ċittadin Indjan f’titjira ta’ ripatrijazzjoni mħallsa mill-gvern. Tkellimna ma’ uħud minn fost it-tmien membri tal-ekwipaġġ u ltqajna mal-Indjani qabel ħallew Malta.

L-ajruplan telaq minn Malta fl-ewwel ta’ Lulju u ġie lura l-għada filgħaxija. Il-vjaġġ kien maqsum f’żewġ partijiet kull direzzjoni. Wara kważi sitt sigħat fl-ajru, saret waqfa f’Dubai biex l-ajruplan reġa’ ngħata l-fjuwil u mbagħad kompla l-vjaġġ lejn Cochin Kerala, l-Indja, f’titjira li ħadet madwar erba siegħat.

“Sakemm wasalna l-Indja kellna ngħaddu minn diversi varjazzjonijiet ta’ temp fil-fatt kellna wkoll xi turbilenzi u hekk imma l-flight deck kellna fost l-aqwa kaptani li għandha l-kumpanija,” qalet il-membru tal-ekwipaġġ tal-Air Malta Stephanie Baldacchino.

It-titjira saret b’ajruplan Airbus A320neo ġdid fjamant taħt il-kmand tal-kaptan Bruce Pace, mal-kaptani Massimo Cachia u Noel Scicluna.

“Il-bdoti ħadmu tajjeb ħafna bejniethom kellna team tajjeb ħafna u anki aħna ħdimna tajjeb ħafna flimkien bħala team work,” qalet il-membru tal-ekwipaġġ tal-Air Malta Joanna Vassallo.

Il-membri tal-ekwipaġġ ma niżlux minn fuq l-ajruplan minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid u ħadmu f’xiftijiet ta’ 12-il siegħa.

“Irqadna fuq l-ajruplan għax ma stajniex ninżlu fil-pajjiż għax inkellna kien ikollna nagħmlu kwarantina kif niġu lura,” qalet il-membru tal-ekwipaġġ tal-Air Malta Sarah Attard.

Lorraine Farrugia qalet li l-era tal-Covid ġabet sfidi mingħajr preċedent għall-ekwipaġġ tal-ajruplani, b’differenzi minn pajjiż għal ieħor.

“Kull pajjiż kellu l-mod tiegħu… ġieli tiftaħ il-bieb u anki nsibu suldati hemm min jgħidlek niżżel in nies, hemm min jgħidlek li jridu jimlew ukoll xi formoli,” qalet il-membru tal ekwipaġġ tal-Air Malta Lorraine Farrugia.

Il-passiġġiera Indjani kienu grati ferm għas-servizz li pprovdiet l-Air Malta u għall-arranġamenti li għamel il-gvern biex twasslu lura pajjiżhom.

“Thank you for the Malta Government for giving us a free flight,” qal Jayakrishnan Mohnana, ċittadin Indjan ripatrijat.

Il-passiġġieri Indjani li kienu jaħdmu Malta nqabdu hawnhekk wara li tilfu l-impjieg tagħhom. Uffiċjali minn għaqda Indjana, tawhom maskri u affartijiet essenzjali fl-ajurport qabel ma telqu minn Malta.

“We are giving the full kits for people who dont have a job and to the students we are giving them the masks and also those who are going back to our country to India,” qal Bestin Varghese mill-Forum Kulturali Yuvadhara.

Fl-aħħar xhur, l-Air Malta operat madwar 200 titjira ta’ ripatrijazzjoni għall-Gvern.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb organizzat mill-kunsill nazzjonali tal-ktieb se jsir online l-11 u l-15 ta’ Novembru minflok ma jsejjaħ in-nies f’dar il-Mediterran il-Belt Valletta. Dan minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 u l-pariri tal-Awtoritajiet…

Lokali

Melvin Theuma,  l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġie rilaxxat mill-Isptar Mater Dei. Ġimagħtejn ilu huwa ddaħħal l-isptar wara li kien instab f’għadira f’demm b’feriti f’għonqu u fil-kustilji. Dan wara li…

Edukazzjoni

Bil-pjan tal-Gvern hu li f’Settembru jiftħu l-iskejjel, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnnici qal li għaddejjin taħdidiet biex it-tagħlim tat-tfal isir mis-sena skolastika li jmiss bil-miżuri meħtieġa kontra l-imxija tal-Covid. Dr Bonnici tkellem…

Saħħa

L-operazzjonijiet se jerġgħu jibdew min-nhar it-Tnejn li ġej iżda d-direttivi tal-Outpatients se jibqgħu fis-seħħ. Dan intqal mill-MAM fi stqarrija uffiċjali wara l-aġġornament tal-aħbarijiet li ta d-Deputat Mexxej, Dr Chris Fearne…

Aktar