Relazzjonijiet Industrijali
L-Air Malta kostretta tnaqqas ħaddiema jekk ma jaċċettawx tnaqqis fil-paga

L-Air Malta għarrfet lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet industrijali u l-impjiegi li fid-dawl li kellha twaqqaf it-titjiriet se jkollha tnaqqis drastikament in-numru ta’ ħaddiema, wara li baqa’ ma ntlaħaqx qbil mal-unions tagħhom għal salarji mnaqqsa.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-linja nazzjonali qalet li mhux se jkollha triq oħra ħlief li tkeċċi għadd ta’ ħaddiema fosthom bdoti u membri tal-cabin crew.

Minħabba li fl-aħħar ġimgħat l-Air Malta spiċċat b’inqas minn żewġ titjiriet kuljum, minflok il-medja ta’ 20, it-Tlieta filgħaxija l-linja nazzjonali għarfet lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi li minħabba s-sitwazzjoni bla preċedent li ġabet il-pandemija Covid-19 u wara konsultazzjoni inkonklussiva mal-Union, se jkollha ittemm l-kuntratt ta’ numru ta’ ħaddiema.

Il-ħaddiema li għandhom kuntratt fiss kienu infurmati li l-impieg tagħhom mhux se jkun estiż wara li jiskadi, fosthom 145 li l-ftehim kollettiv tagħhom ġie ffirmat mal-Union tal-Cabin Crews. L-Air Malta qalet li ma dawn, jeħtieġ tneħħi kważi 250 ħaddiema ieħor – 108 bdoti u 139 membru tal-ekwipaġġ. Il-kumpanija qalet li l-ammonti ta’ ħaddiema li se jinżammu se jkunu biżżejjed biex tkun tista’ tibqa topera fis-sitwazzjoni preżenti li fi kliem il-kumpanija mistennija ttul ix-xhur.

Fi stqarrija, il-linja nazzjonali tal-ajru qalet li offriet lill-unions li jirrapreżentaw lis-setturi differenti ta’ ħaddiema fi ħdanha, biex jaqblu fuq ħlas bażiku massimu ta’ 1200 ewro fix-xahar. Intqal li b’din il-paga, l-ebda impjegat ma kien se jitneħħa, inkluż dawk li għandhom kuntratt definit. Il-kap Eżekuttiv tal-Air Malta, il-kaptan Clifford Chetchuti, qal li l-unions rabtu id il-kumpanija.

“Filwaqt li l-kumpanija waslet ghal ftehim fuq pakkett socjali ma’ settur wiesa ta’ ħaddiema, ninsabu ddiżappuntati li l-union tal-piloti u tal-cabin crew ma fehmux biżżejjed il-problema li għaddejja minnha l-kumpanija bħal kull airline oħra fid-dinja u ma aċċettawx il-proposti tagħna biex il-kumpanija tkun tista’ ssalva dan il-maltemp li mistenni jdum ftit xhur mhux ħażin. Għalhekk minħabba dan in-nuqqas ta’ kooperazzjoni ma kellna l-ebda triq oħra ħlief li ninfurmaw lid-direttur tax-xogħol li l-kumpanija għandha l-intenzjoni li twaqqaf l-impjieg tal-piloti u cabin crew f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji,” qal Clifford Chetchuti.

Fl-ittra, ntqal li l-kumpanija ser tnaqqas il-ħaddiema kif tipprovdi l-liġi tar-relazzjonijiet industrijali li “min daħal l-aħħar, jiġi ssensjat l-ewwel’ u li l-ħaddiema affettwati se jiġu kkumpensati skont il-liġi. L-Air Malta pproponiet li l-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni ssir għada filgħodu.

F’ittra lill-membri tagħha, il-Union tal-Cabin Crew qalet li f’dawn l-aħħar jiem kienet involuta f’negozjati mal-Air Malta u wara l-ittra li l-kumpanija bagħtet lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali, qed tipproponi li s-Sibt li ġej jittieħed vot fost il-membri fuq numru ta’ kontro-proposti fosthom li l-cabin crew b’kuntratt definit jaċċettaw salarju bażiku sa massimu ta’ €1,200 fix-xahar.

Ġie rrappurtat ukoll li 108 piloti tal-Air Malta minn total ta’ 134 se jiġu ssensjati wara li l-Assoċjazzjoni tal-Piloti, l-ALPA, rrifjutat tnaqqis fis-salarju bażiku għal €1,200 fix-xahar minħabba li l-ajruplani mhux qed itiru.

L-Air Malta qalet li l-Assoċjazzjoni tal-Inġiniera tal-Ajru aċċettaw l-offerta ta’ salarju bażiku ta’ €1,200 fix-xahar wara vot li ġie approvat minn madwar 90 fil-mija tal-membri tal-union.

Fi stqarrija, l-assoċazzjoni tal-bdoti, l-ALPA, qalet li hi qatt ma rrifjutat il-proposta li tressqet quddiema u l-membri tagħha lesti li jerfgħu il-piż wara li jkun żgurat li sar proċess ta’ konsultazzjoni effettiva. L-assoċazzjoni qalet ukoll li il-kap eżekuttiv tal-Air Malta għandu jkun trasparenti dwar il-paga tiegħu u x’se jnaqqas minnha u mill-benefiċċji li għandu kif għandu jagħmel il-bqija tat-tmexxija.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

L-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA, approvat 20 magna tan-nifs li ġabet b’xejn miċ-Ċina, l-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina. Fi stqarrija, il-President ta’ din l-għaqda, l-eks Ministru Reno…

Politika

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-proċess ġudizzjarju għadu għaddej, u dwar il-pożizzjoni ta’ Chris Cardona fil-partit indika li se jkun qed jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn iktar ‘il quddiem….

COVID-19

Għalkemm mhumiex permessi attivitajiet tal-massa, jista’ jkun hemm sa massimu ta’ 75 persuna f’post wieħed sakemm hemm spazju għal persuna waħda għal kull erba’ metri kwadri f’uffiċini, teatri u mużewijiet. Waqt…

COVID-19

Fl-isfond tal-miżuri li qed jittieħdu fir-ristoranti mindu l-ħwienet tal-ikel reġgħu fetħu l-bibien tagħhom, fl-aħħar sigħat l-ITS ippubblika filmat bil-għan li l-istudenti tiegħu kif ukoll min bi ħsiebu jaħdem fil-qasam tal-ikel,…

Aktar