Lokali
L-Air Malta twaqqaf 130 passiġġier milli jitilgħu fuq l-ajruplani tagħha għax ma kinux konformi mar-regoli tal-COVID-19

ll-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta waqqfet xejn inqas minn 130 passiġġier, fil-biċċa l-kbira tagħhom Ingliżi u Taljani milli jitilgħu fuq l-ajruplani tagħha.

Dan wara li ma kinux konformi mar-regolamenti li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju li għadda b’rabta mal-COVID-19 li fost oħrajn jorbtu lill-passiġġieri jkollhom test negattiv tal-PCR li jittieħed fi żmien 72 siegħa qabel il-wasla tagħhom f’Malta. Ir-regoli jobbligaw ukoll lill-passiġġieri jimlew minn qabel il-Passenger Locator Form li trid tinkludi l-Formola ta’ Dikjarazzjoni tal-Ivvjaġġar s-Saħħa Pubblika.

Kelliem għall-Air Malta kkonferma ma’ tvm.com.mt li l-passiġġieri twaqqfu milli jitilgħu fuq l-ajruplani tagħha qabel telgħu abbord.

L-istess kelliem qal li l-linja nazzjonali tal-ajru nediet kampanja wiesgħa biex tgħarraf lill-klijenti tagħha bir-regoli li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju li għadda u li kulma jmur qed jonqsu l-każijiet ta’ passiġġieri li mhumiex ikunu konformi ma’ dawn ir-regoli.