Lokali
L-ajruport b’investiment multi miljunarju biex jiżviluppa żona ġdida għall-parkeġġ ta’ seba’ ajruplani

Il-kumpanija li tmexxi l-ajruport dieħla għal investiment multi miljunarju biex tiżviluppa żona ġdida għall-parkeġġ ta’ seba’ ajruplani bil-faċilitajiet kollha meħtieġa għalihom.

Għal dan il-għan, il-kumpanija qed tilqa’ offerti għal dan il-proġett li se jkun mifrux fuq żona daqs għaxar grawnds tal-futbol. Għall-kap tal-operat tal-MIA, l-Inġinier Martin Dalmas, il-fatt li l-ajruport daħal għal dan il-proġett kbir bi żmien fejn l-industrija tal-avjazzjoni ħadet tisbita, jibgħat messaġġ li l-kumpanija qed tħares lejn il-ġejjieni b’ottimiżmu.

Il-ħruġ ta’ sejħa għall-offerti għal apron ġdida hi dikjarazzjoni mill-kumpanija li tmexxi l-ajruport internazzjonali ta’ Malta li bdiet it-triq biex twettaq il-pjani għall-iżvilupp ta’ aktar spazju għall-parkeġġ tal-ajruplani u faċilitajiet oħra relatati.

Mifrux fuq medda art ta’ madwar mitt elf metru kwadru, il-kumpanija qalet li l-proġett se jinvolvi investiment multi miljunarju, l-akbar fl-infrastruttura tal-ajrudrom sa minn meta fl-1988, il-kumpanija ħadet f’idejha t-tmexxija ta’ dawn il-faċilitajiet.

Il-kap tal-operat u l-kontinwità tan-negozju fl-MIA, l-Inġinier Martin Dalmas, spjega li apron hi ħolqa kruċjali fil-ħajja ta’ kuljum ta’ ajruport.

“Dan ngħidulu parking stands u parking stands ikunu fuq l-aprons tagħna. Il-kapaċita’ tagħna li naċċettaw ajruplan hu relatat ma’ kemm jesa l-apron at any given time…. Meta jinżel ajruplan Malta ma jispiċċax waħdu fuq l-apron. L-ajruplan jiġi servut minn numru ta’ vetturi li bl-Ingliż ngħidulhom ground support equipment, fosthom it-taraġ, il-vetturi li joħorġu l-bagalji, numru ta’ vetturi li jagħtu servizz lill-ajruplan biex jilqa’ għall-bżonnijiet ta’ dak li jgħidulu turnaround. Dawn il-vetturi jrid jinstab post għalihom between movements u fost affarijiet oħra dan l-apron se jkollu post ċentralizzat għal dawn il-vetturi.”

L-apron il-ġdida – Apron X – se tesa’ sa seba’ ajruplani fil-kategorija narrow bodied jew tliet ajruplani akbar wide bodied. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini ta’ taxiway ġdida li tiżgura aċċessibilita’ tajba għall-ajruplani minn din iż-żona għal oħrajn fl-ajruport. L-Inġinier Dalmas qal li l-faċilità l-ġdida ser issir bejn żewġ aprons li jintużaw bħalissa mill-ajruplani tal-passiġġieri għal operat bi skeda.

“Aħna noperaw minn Apron 9, l-apron li qegħdin maġenbu bħalissa, u Apron 8 li huwa 2 kilometri ‘l bogħod minna. Dawn iż-żewġ aprons flimkien huma l-faċilitajiet ta’ aircraft parking li għandna primarjament għal scheduled operations tagħna.”

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta daħal għal dan l-investiment bl-isem ta’ Apron X fi żmien fejn kif nistgħu naraw l-ajruport qisu deżert u l-industrija tal-avjazzjoni prattikament mejta minħabba l-effetti tal-pandemija tal-coronavirus. L-ajruport iddeċieda li jidħol għal dan l-investiment minħabba li jħares ‘il quddiem għal żmien fejn jerġa jkun hawn l-attivita’ u anke żmien bħalma nkisbu n-numri tal-2019, fejn l-ajruport ra iżjed minn 7 miljun passiġġier, u jkompli jibni u jżid fuq dawn in-numri.

L-Inġinier Martin Dalmas qal li l-interess tal-kumpanija hu li l-proġett jibda mill-iktar fis possibbli. Is-sejħa għall-offerti tagħlaq fit-12 ta’ Frar.

Mistoqsi għaliex il-faċilità ngħata l-isem Apron X, l-Inġinier Marin Dalmas qal li l-aprons madwar l-ajruport jimxu f’sekwenza. Spjega li n-numru li jmiss kien apron 10 u ntlaħaq ftehim mill-kumpanija li jissejjaħ Apron X li hu n-numru għaxra bis-sistema tan-numri Rumani.