Avjazzjoni
L-Ajruport inaqqas l-emissjonijiet mill-konsum tal-elettriku

Is-sena li għaddiet, l-Ajruport ta’ Malta għamel tnaqqis ta’ tunnellati ta’ emissjonijiet mill-konsum tal-elettriku wara investiment sinifikanti f’pannelli fotovoltajiċi u sistemi elettroniċi aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

Sadanittant, għaddejjin l-aħħar xogħlijiet ta’ restawr fuq it-Torri Xutu u l-War Rooms ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija fil-Belt Valletta. Ix-xogħlijiet qed isiru mill-Fondazzjoni Malta Airport li qed tiffoka fuq proġetti mmirati lejn titjib tal-prodott turistiku.

Fl-2017, l-Ajruport Internazzjonali rreġistra tnaqqis ta’ 63 tunnellata ta’ dijossidu karboniku mill-konsum tal-elettriku wara investiment sinifikanti f’sistemi ta’ enerġija nadifa.

Patricia Darmanin qalet li “replacement ta’ lifts b’makkinarju iktar effiċjenti, installazzjoni ta’ LEDS f’partijiet differenti tat-terminal u forsi investiment li huwa aktar sinifikanti huwa dak tal-PV pannels”.

Patricia Darmanin, Kelliema għall-Ajruport, qalet li s-sistema fotovoltajika tal-ajruport iġġenerat aktar minn 630,000 kilowatt-hour ta’ enerġija fl-2017.

“L-enerġija li dawn il-PV pannels ġġeneraw s-sena l-oħra hija daqslikieku kważi ‘l fuq minn 300 persuna jaħlu f’sena” qalet Patricia Darmanin.

Is-Sinjura Darmanin qalet li f’rapport ippubblikat mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’konformità mal-livelli tal-Global Reporting Initiative rriżulta li l-intensita’ tal-emissjonijiet kienet ta’ ftit aktar minn kilogramma għal kull passiġġier; 16% inqas meta mqabbel mal-2016.

Intant, il-kelliema qalet li l-Fondazzjoni Malta Airport, li twaqqfet tliet snin ilu biex tappoġġja organizzazzjonijiet u inizjattivi li għandhom l-għan li jsaħħu l-patrimonju Malti, iffinanzjat żewġ proġetti ta’ restawr li x-xogħlijiet fuqhom mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

“Kellna r-restawr tat-Torri Xutu f’Wied iż-Żurrieq; kellna r-restawr tal-Combined Operations Room li għadu għaddej fl-Underground water headquarters fil-Belt Valletta” qalet Patricia Darmanin.

Is-Sinjura Darmanin qalet li l-Fondazzjoni għaddejja bl-aħħar tħejjijiet fuq il-produzzjoni ta’ dokumentarju dwar Kemmuna. Hija qalet li f’dawn il-proġetti l-Fondazzjoni investiet man-nofs miljun ewro.