Lokali
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-ġdid klassifikat fost l-aqwa ajruporti fl-Ewropa

Għat-tielet sena konsekuttiva l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta reġa’ sab postu fost ir-rebbieħa tal-Premjijiet tal-Kwalità tas-Servizz tal-Ajruport (ASQ) tal-Kunsill tal-Ajruporti Internazzjonali għall-2020.

Waqt li l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur laqa’ b’sodisfazzjon din l-aħbar, huwa spjega li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ngħata t-titlu tal-aqwa ajruport fl-Ewropa fil-kategorija tad-daqs tiegħu fost aktar minn 340 ajruport mid-dinja kollha.

Fi stqarrija ġie spjegat li meta mqabbel mar-riżultat miksub fl-2019, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra titjib fuq il-maġġorparti tal-indikaturi kif ukoll kiseb punteġġi mill-viżitaturi li saħansitra jaqbżu l-medja Ewropea.

Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jinnota b’sodisfazzjon il-fatt li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra l-aqwa riżultati fl-indafa u fis-sigurtà. Qal li dan kollu huwa turija ċara ta’ kemm l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jibqa’ stakeholder importanti fil-ħidma tal-gvern biex tissaħħaħ il-konnettività ta’ pajjiżna mal-kumplament tad-dinja.