Sigurtà
L-akbar investiment tal-AFM – €50m għal patrol boat li bdiet tinbena l-Italja

F’tarzna fl-Italja beda x-xogħol fuq l-akbar investiment li qatt daħlet għalih l-armata Maltija: il-bini ta’ patrol boat kbira bi spiża ta’ madwar €50 miljun. Hu pjanat li sa sentejn oħra l-lanċa tkun daħlet fis-servizz u b’hekk ikomplu jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Iskwadra Marittima f’rondi u ħidmiet f’distanzi ‘l bogħod minn Malta.

Il-kumpanija Cantiere Navale Vittoria li tinsab fin-naħa ta’ fuq tal-Italja rebħet il-kuntratt biex tibni patrol boat kbira għall-Forzi Armati ta’ Malta. B’disgħin sena ta’ esperjenza fil-mestjier, il-kumpanija bniet reputazzjoni fil-bini ta’ laneċ u dgħajjes li jintużaw għal ħidmiet ta’ sigurtà u salvataġġ minn korpi dixxiplinati f’għadd ta’ pajjiżi fil-Mediterran. Il-kuntratt mal-Forzi Armati ta’ Malta għall-bini tal-akbar patrol boat li qatt kellha l-armata Maltija jfisser investiment ta’ madwar €50m li għalih l-armata kisbet fondi Ewropej.

Il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Jeffrey Curmi qal ”hi investiment kbir, l-akbar investiment li qatt għamlet il-Forzi Armati. Qed nitkellmu fuq opv ta’ madwar €50m, €48m. Ix-xogħol beda.”

Il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Jeffrey Curmi, spjega li l-proġett jaħseb ukoll għal programm ta’ taħriġ biex, sal-mument li l-lanċa tasal Malta, ikun iffurmat ekwipaġġ kompetenti li jużaha u jagħmel il-manutenzjoni meħtieġa.

”Aħna diġà għandna pjan ta’ min u kif se jitla’ fit-tarzna fejn qed tinbena, numru ta’ inġiniera tagħna, numru ta’ teknici tagħna, biex jikkonferma x-xogħol u jkunu parti mill-proġett. Jiġifieri mmaġina kemm se jkun utli meta l-lanċa tiġi lura, b’nies tekniċi tagħna stess li kienu preżenti waqt li kienet qed tinbena l-lanċa” qal il-Brigadier Curmi.

Bl-Iskwadra Marittima tissemma l-aktar f’każi ta’ immigrazzjoni illegali u f’ħidmiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar, il-Brigadier Curmi assigura li, lil hinn minn hekk, l-armata jkollha laneċ għaddejjin b’rondi fl-ibħra Maltin 24 siegħa kuljum, f’xogħol relatat ma’ infurzar tal-liġijiet u l-ġlieda kontra l-kriminalità. Dan qal jitlob koordinament u koperazzjoni ma’ entitajiet oħra bħall-Pulizija, id-Dwana u d-Dipartiment tas-Sajd.

”Jaf inkunu qed niġbru informazzjoni kemm għalina kif ukoll għal korpi dixxiplinati oħrajn, inkunu qegħdin nippjanaw, inkunu qegħdin niddiksutu mal-entitajiet l-oħra kif wieħed l-aħjar li jopera. Jista’ jkun li operation fuq il-baħar tkun l-aħjar soluzzjoni. Jistà jkun li ma tkunx” kompla jgħid il-Brigadier Curmi.

Fuq il-baħar ukoll, l-Armata se żżid il-preżenza tagħha fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. F’Għawdex, fejn l-armata għandha lanċa u dinghy ibbażati fil-Port tal-Imġarr, se jkun hemm għall-ewwel darba grupp ta’ għaddasa bbażati f’Għawdex. Il-Brigadier Curmi qal li s-suldati li se jaqdu dan l-irwol intgħażlu u qed jirċievu taħriġ professjonali biex ikunu kwalifikati wkoll fis-salvataġġ ta’ persuni li jsibu ruħhom f’diffikultà fil-baħar. Huma se jkunu parti mill-Bomb Disposal Unit, biex f’każ ta’ ħtieġa jkunu jistgħu jagħmlu wkoll xogħol relatat ma’ splussiv u logħob tan-nar.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Inqas minn tliet xhur wara li ġie fi tmiemu s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ, eluf ta’ żgħażagħ qed jinġabru fil-Panama għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Il-Papa Franġisku jasal il-Panama għada bil-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jintlaħqu…

Ikel

Fl-isfond tal-kontroversja li bdiet wara s-servizz tal-aħbarijiet ta’ TVM mal-Imam Mohammad Elsadi, dwar il-qtil tal-annimali bir-ritwal Musulman, komplejna nsegwu l-kwistjoni. Mhux eskluż li l-qtil tal-annimal bis-sistema tal-halal, għalkemm mhux isir…

Trasport

Is-sidien tal-pompi tal-petrol bdew b’azzjonijiet industrijali minħabba nuqqas ta’ ftehim mal-Gvern dwar it-talba għal żidiet fil-qligħ tagħhom. L-azzjoni ewlenija hi li l-pompi mhux se joffru s-servizz mill-magni awtomatiċi wara s-sitta…

Familja

Matul is-sena li għaddiet kien hemm xejn inqas minn 1,303 koppji li żżewġu fuq cruise liner li jtajjar il-bandiera Maltija. Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Prim Ministru Joseph Muscat għall-mistoqsija tad-Deputat…

Aktar