L-akbar kwadru tas-smid bix-xbieha tal-martirju ta’ Santa Katerina

Il-festa liturġika ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra li titfakkar illum waslet biex l-Għaqda Mużikali Beland tagħmel l-ikbar kwadru tas-smid li daħal fil-Malta Records.

Santa Katerina ta’ Lixandra hija qaddisa Nisranija u martri li mietet fil-bidu tar-raba’ seklu. Fil-knisja Ortodossa hija meqjusa bħala martri kbira u fil-Knisja Kattolika Rumana, tradizzjonalment jingħad li hija waħda mill-14 il-qaddejja Mqaddsa. Il-festa tagħha tiġi ċċelebrata fiż-Żejtun u fiż-Żurrieq, bil-festa liturġika tagħha taħbat illum, il-25 ta’ Novembru.

Twaqqfet fl-1861 mill-familja Diacono, l-għaqda Mużikali Beland fiż-Żejtun hija waħda mill-iktar baned antiki, u fakkret il-festa liturġika tal-qaddisa patruna taż-Żwieten bi kwadru kbir li tpoġġa f’waħda mis-swali tal-Beland u huwa replika eżatt tat-titular li jinsab fil-knisja parrokkjali taż-Żejtun. Juri l-martirju permezz tal-qtugħ ir-ras ta’ Katerina ta’ Lixandra 1710 snin ilu taħt l-imperatur Ruman Massiminu.

Il-kwadru ħa total ta’ 90 siegħa biex inħadem minn żewġ membri tal-għaqda mużikali Beland – Etienne Calleja u Joseph Baldacchino. B’kollox intuzaw 105 kilogrammi smid u 72 kulur differenti. Kwadru li minħabba l-kobor u n-numru ta’ persunaġġi li fih, daħal ukoll fil-Malta Records.

Fiż-Żejtun, il-festi ta’ barra li jfakkru lil din il-qaddisa jsiru fit-tielet Ħadd ta’ Ġunju biż-Żurrieq tfakkar lil Santa Katerina fl-ewwel Ħadd ta’ Settembru.