Kronaka
AĠĠORNAT: John Paul Woods iwieġeb mhux ħati li 12-il sena ilu qatel lil Charlene Farrugia u li ħeba l-katavru

Kważi 12-il sena mill-għibien ta’ Charlene Farrugia u sena mis-sejba tal-fdalijiet tagħha f’daħla f’sur fil-Belt, il-Pulizija ressqet il-qorti lil John Paul Woods u xlietu bil-qtil tat-tfajla u li ħeba l-katavru. Ir-raġel li m’ammettiex l-akkużi baqa’ miżmum arrestat il-ħabs fejn qed jiskonta sentenza fuq serq.

Tnax-il sena mill-għibien ta’ Charlene Farrugia, tfajla ta’ 25 sena minn San Pawl il-Baħar, il-Pulizija ressqet il-Qorti raġel mwieled l-Ingilterra u xlietu bil-qtil tagħha. Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, John Paul Woods ta’ 40 sena, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li żamm lil Farrugia kontra l-volontà tagħha, li kkaġunalha l-mewt u li ħeba l-katavru tagħha. Hu kien mixli wkoll li laqa’ għandu oġġetti misruqa, li kien fil-pussess ta’ strument li jaqta’ u bil-ponta u li rrenda ruħu riċediv. Woods wieġeb li mhux ħati u baqa’ miżmum il-ħabs fejn qed jiskonta sentenza ta’ seba’ snin ħabs wara li sena ilu ammettat fost oħrajn li pprova jisraq minn ħanut fil-Gzira.

Il-proċeduri fl-awla tal-Qorti saru fil-preżenza ta’ oħt il-vittma: Noemi li ma xtaqitx turi wiċċha billi qed tipprova tibni ħajjitha mill-ġdid wara t-trawma tal-għibien ta’ oħtha. Qalet li dan l-iżvilupp jagħti element ta’ għeluq għall-każ. Stqarret li minkejja li kienet qatgħet qalbha li oħtha tista’ tinstab ħajja, xorta kienet baqgħet tara tilmaħx wiċċha qalb in-nies waqt li tkun miexja il-Belt. Noemi qalet li kull ma trid issa hu li ssir ġustizzja għal dal li għaddiet minnu oħtha u l-familja qed tistenna li l-fdalijiet jiġu rilaxxati għad-difna.

Il-Pulizija spjegaw lill-media li l-iżblokk fil-każ seħħ fl-20 ta’ Lulju tas-sena l-oħra. Dakinhar, uffiċjali mill-iskwadra tal-omiċidji tal-pulizija u tal-forensika, elevaw fdalijiet umani fosthom ras ta’ persuna u partijiet minn idejn u saqajn li nstabu f’daħla f’sur fil-Belt taħt ir-riħ tal-lukanda Phoenicia. Il-pulizija kienet qalet li qed iżżomm raġel suspettat li wettaq dan id-delitt.

Ir-raġel, John Paul Woods, kien ġie arrestat xi jiem qabel waqt attentat ta’ hold up f’ħanut fil-Gżira. Waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija, Woods tkellem dwar l-għibien ta’ Charlene Farrugia u allega li kien qatilha hu u indika fejn kien hemm il-fdalijiet tagħha. Il-Pulizija qalet li testijiet tad-DNA fuq il-fdalijiet tal-katavru kkonkludew li huma ta’ Charlene Farrugia li kienet ġiet rappurtata nieqsa f’Novembru 2008. Mistoqsija iqisux il-każ magħluq, il-Pulizija qalet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u mhux eskluż li seta’ kien hemm persuni oħra involuti.

Aktar kmieni:

John Paul Woods ta’ 39 sena tressaq il-Qorti u ġie mixli bil-qtil ta’ Charlene Farrugia li 12-il sena ilu kienet irrapportata nieqsa. Hu ġie milxi wkoll li ħeba l-katavru. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Hu kien akkużat ukoll li f’Novembru tal-2008 żamm lil Farrugia kontra l-volontà tagħha, li laqa’ għandu oġġetti misruqa, li kien fil-pussess ta’ strument li jaqta’ u bil-ponta u li rrenda ruħu riċediv.

Il-pulizija resqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli lill-allegat qattiel ta’ Charlene Farrugia li 12-il sena ilu kienet irrapportata nieqsa. Hu ma ngħatax il-liberta proviżorja.

F’konferenza tal-aħbarjiet dalgħodu mis-Supretendent Ramon Cassar u l-Ispetturi James Grech mill-investigazzjonijiet kriminali u Jonathan Ransly mill-għassa ta’ tas-Sliema u indirizzata mill-kelliem għall-korp tal-pulizija Brandon Pisani, qalu li se jressqu lill-allegat qattiel u jakkużawh bid-delitt ta’ Farrugia kif ukoll li ħeba l-katavru.

Qalu li matul is-snin, il-pulizija interrogaw diversi persuni u kien fl-20 ta’ Lulju 2019, meta kien hemm żblokk fil-każ. Uffiċjali mill-iskwadra tal-omiċidji tal-pulizija u tal-forensika, elevaw fdalijiet umani fosthom ras ta’ persuna u partijiet minn idejn u saqajn minn daħla f’sur tal-Belt taħt ir-riħ tal-lukanda Phoenicia. Dak inhar il-pulizija qalet li qed iżomm raġel suspettat li wettaq dan id-delitt.

Ir-raġel, John Paul Woods imwieled l-Ingilterra, kien ġie arrestat waqt attentat ta’ hold up armat b’sikkina, f’ħanut fil-Gżira. Waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija, Woods tkellem dwar l-għibien ta’ Charlene Farrugia u allega li kien qatilha hu u indika fejn kien hemm il-fdalijiet tagħha.

Farrugia li kellha 25 sena kienet ġiet irrapportata nieqsa fis-7 ta’ Novembru 2008. Hija kienet taħdem bħala carer fid-Dar tal-Providenza u kienet toqgħod San Pawl il-Baħar f’appartament li l-pulizija qed tinkludih fl-investigazzjonijiet tagħha.

Bħalissa John Paul Woods qed jiskonta sentenza ta’ seba’ snin ħabs wara li sena ilu ammettat fost oħrajn li pprova jisraq mill-ħanut tal-Gzira u li żamm erba’ persuni fil-ħanut kontra l-volontà tagħhom, li rreżista bi vjolenza membri tal-Korp tal-Pulizija, li ġarr sikkina u li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti fuq żewġ sentenzi meta kien taħt probation.

Testijiet tad-DNA fuq il-fdalijiet tal-katavru juru li huma ta’ Charlene Farrugia. Investigazzjonijiet preliminari li saru fuq l-għadam, diġà kienu wrew li huma ta’ mara ta’ bejn l-20 u t-30 sena.

Ara wkoll:

Ikkonfermat li l-fdalijiet misjuba f’sur tal-Belt huma ta’ Charlene Farrugia

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Mistoqsija dwar jekk trabi għandhomx jitlibbsu maskri, Prof Gauci qalet li tfal taħt 3 snin m’għandhomx jitlibbsu l-maskra għax din tista’ tkun ta’ periklu għalihom. Dan qalitu meta kienet qed…

COVID-19

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab infurmat li l-kumpanija Gozo Channel għad m’għandhiex sistema adegwata biex tara li fuq il-vapuri u fit-terminals, il-passiġġieri josservaw il-miżuri ta’ prevenzjoni mill-COVID-19 li ħabbar il-Gvern…

Kultura

Minn issa ‘l quddiem waħda mill-isbaħ xeni tal-Port il-Kbir tista’ titgawda minn fuq il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt. Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa saret l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn meta daħal fis-seħħ l-avviż legali l-ġimgħa li għaddiet, diġà nħarġu ħames multi ta’ €3,000 ‘l waħda għal organizzaturi ta’ attivitajiet, restoranti…

Aktar