Qorti
L-allegat vittma ta’ ħtif ma jitfaċċax il-Qorti – il-Pulizija qed jippruvaw jintraċċawh biex jixhed

Intopp fil-każ kontra t-tliet irġiel Slovakki akkużati bi ħtif ta’ Slovakk ieħor, wara li l-allegat vittma ma setax jiġi intraċċat biex jixhed fil-Qorti.

Il-vittma kellu jidher llum fil-Qorti biex jagħti x-xhieda tiegħu kontra Peter Tupta ta’ 49 sena, Anton Triscik ta’ 47 sena, u Adam Mazurkovic ta’ 22 sena, li jinsabu akkużati bi ħtif, arrest illegali u li kkawżaw ġrieħi fuq il-vittma.

Il-prosekuturi qalu lill-Maġistrat Audrey Demicoli li l-allegat vittma ta indirizz ħażin lill-Pulizija, u beda jaqtalhom meta ppruvaw iċemplulu.

Il-Pulizija qalu li mill-interrogazzjoni tal-vittma u t-tliet irġiel, ħareġ kif allegatament il-vittma kien issellef xi flus mingħand Triscik iżda ma kienx qed iħallas il-pagamenti dovuti. Kien hawn li t-tliet akkużati sabu lill-vittma f’bar fil-Mellieħa, kaxkruh sal-karozza, rabtuħ u ħaduh l-aħrax tal-Mellieħa. Hawn neżżgħuh, rabtuh ma’ siġra, u tawh xebgħa. Wara reġgħu libbsuh u ħaduh f’lukanda f’Tas-Sliema.

L-irġiel qalu li l-għada kellhom jiffirmaw kuntratt ma’ nutar, liema nutar ma riedx li jidħol f’dan il-każ. Kien hawn li l-allegat vittma sab iċ-ċans u skappa lill-agressuri tiegħu.

Għat-tliet akkużati qed jidhru l-avukati Stefano Filletti u Stephen Tonna Lowell.