Stejjer Umani
“L-ALS ħaditli saħħti imma se nibqa’ pożittiv u ngħin kemm nista'”

Ftit iktar minn sena ilu bħal sajjetta fil-bnazzi, il-personalità televiżiva, Joe Debono, skopra li għandu l-kundizzjoni tal-ALS li kawża tagħha spiċċa kważi pparalizzat.

F’intervista ma’ TVM, Joe qal li jħossu grat li qiegħed jgħix, li jista’ xorta jikteb il-poeżiji u kitbiet oħra b’kompjuter apposta. Ftit tal-jiem ilu Joe kiteb poeżija fuq Facebook bi ħsibijiet profondi dwar kif l-ALS biddlitu, iżda wkoll li jħares ‘il quddiem li jibqa’ jgħix u jservi ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor.

Kien f’Marzu tas-sena li għaddiet, meta Joe Debono, magħruf fuq it-televiżjoni, fosthom bis-sehem tiegħu f’Aħna Aħna jew M’Aħniex u Xarabank, ingħata l-aħbar li għandu l-kundizzjoni tal-ALS, li kawża tagħha safa kważi ipparalizzat u ġie affettwat ukoll fid-diskors.

Minn bniedem atttiv ħafna fosthom fix-xogħol artistiku tiegħu, Joe iħossu grat għall-appoġġ enormi li sab minn martu Tanya, u uliedu Peter u Andrew. “Kollox diffiċli għax ma nista’ nagħmel xejn waħdi, imma m’inix ħażin, u l-fatt li nista’ nħaddem il-kompjuter b’għajnejja, dak itini ċans nagħmel ħafna affarijiet.”

Ftit ilu Joe kiteb poeżija fuq Facebook li kisbet l-attenzjoni ta’ eluf kbar ta’ nies, bit-titlu M’Għadnix Nagħrafhom, li titratta dwar kif kawża tal-ALS, la għadu jagħraf dirgħajh li tant għannqu nies, m’għadux jagħraf leħnu li bih tant wassal kliem ta’ kuraġġ, u lanqas riġlejh li tant kienu jimxu u jħabirku f’kull biċċa xogħol li jagħmel.

“Il-messaġġ hu li tkellimt dwar il-fatt li l-kundizzjoni tillimitani ħafna, imma fl-aħħar messaġġ pożittiv, għax il-memorji li għamilt fil-passat, huma memorji sbieħ u meta niftakar fihom nieħu gost.”

Joe qal li jħossu grat ħafna għal Bjorn Formosa, li qed ikun ta’ spalla kbira f’kull ostaklu li qed isib. “Bjorn u Maria mill-ewwel jgħinuni, Bjorn jispirani, pożittiv imma tani ħafna għajnuna.”

Joe jagħti kuraġġ lil min għaddej minn sfidi ta’ saħħa bħalu. “Kulħadd għandu xi talent, kulħadd għandu x’joffri, kulħadd għandu affarijiet tajbin ġo fih, jista’ jagħmel xi ħaġa tajba f’ħajtu għalih u għall-oħrajn.”

Joe qal li minbarra l-kitbiet, intefa’ b’ruħu u ġismu wara ALS Malta, fosthom fil-ħidma li qed issir biex tinfetaħ it-tieni Dar Bjorn, għax qal li bil-ftit saħħa li fadallu jrid jibqa’ sal-aħħar iservi ta’ spalla u ispirazzjoni għal nies oħra.