Lokali
L-ambjent u l-iżvilupp eċċessiv huma l-aktar kwistjonijiet li jħassbu liż-żgħażagħ Maltin

Iż-żgħażagħ huma l-futur t’għada u żewġ rapporti separati ppublikati din il-ġimgħa kkonkludew li l-ambjent u l-iżvilupp eċċessiv huma l-aktar kwistjonijiet ta’ tħassib għalihom.

Waqt li r-rapport tal-EY irreġistra tnaqqis sinifikanti fit-tħassib dwar il-Covid madwar din il-faxxa tas-soċjetà, l-istudju mħejji mill-Knisja sab li 16% taż-żgħażagħ huma atei.

70% tal-ġenerazzjoni żagħżugħa temmen li l-akbar sfida fil-pajjiż huwa l-ambjent. Dan joħroġ minn stħarriġ ta’ EY li eżamina l-ħsibijiet tal-ġenerazzjoni żagħżugħa dwar il-futur ta’ pajjiżna.

L-istħarriġ ikkonkluda li għaż-żgħażagħ, l-iżvillup eċċessiv, l-ambjent u t-traffiku huma fost l-akbar sfidi f’Malta.

Dawk intervistati wieġbu wkoll li l-Gvern għandu jagħti prijorità lill-investiment fl-immaniġjar tal-iskart, għandu jonqos it-tniġġis, filwaqt li jeħtieġ tisħiħ fil-governanza u fis-settur edukattiv.

Il-proposti ta’ din il-ġenerazzjoni għall-klassi politika huma ċari: ħaddru l-pajjiż, ippromwovu stil ta’ ħajja b’saħħitha, għollu l-livell ta’ għajxien u rsistu għall-ogħla livell ta’ edukazzjoni f’Malta.

Fi stħarriġ separat li sar bejn żgħażagħ ta’ 16 u d-39 sena bħala parti minn proġett tal-Malta Catholic Youth Network (MCYN) u l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi kellu riżultati simili, b’71% taż-żgħażagħ qalu li l-ambjent iqisuh bħala importanti għal pajjiż u 19% jqisuh importanti ħafna.

L-istudju kkonkluda li filwaqt li l-kwistjonijiet ambjentali jinteressaw liż-żgħażagħ kollha, dawk b’edukazzjoni terzjarja juru interess akbar.

Intant waqt li r-riżultat tal-EY għas-sena l-oħra juru li l-Covid hija t-tielet l-aktar sfida fuq moħħ iż-żagħżagħ, din is-sena kienu biss 20% li wrew il-fehma li jinsabu mħassba mill-pandemija.

L-istħarriġ tal-EY sab li l-ġenerazzjoni żagħżugħa hija aktar mħassba dwar l-impatt tal-pandemija fuq l-ekonomija milli s-saħħa personali tagħhom. Din iċ-ċifra tixhed l-ispirtu intraprenditorjali li skont l-istħarriġ jispikka f’din il-ġenerazzjoni, b’60% joħolmu li jmexxu n-negozju tagħhom.

L-istħarriġ ta’ EY ikkonkluda li l-ġenerazzjoni żagħżugħa temmen ukoll li għandha aktar flus fil-but meta mqabbel mas-sena li għaddiet iżda ftit jemmnu li l-ekonomija tinsab f’qagħda eċċellenti.

Meta mitluba jgħidu f’liema parti tad-dinja jagħżlu li jgħixu, 60% semmew pajjiżi Ewropej waqt li 27% għażlu lil Malta.

Skont l-istħarriġ din ix-xejra tirifletti il-konklużjonijet ta’ stħarriġ li saru fil-passat, iżda bid-differenza li din is-sena ġiet irrapportata żieda ta’ 12 fil-mija fost żagħżagħ bejn l-24 u 40 sena li jippreferu jgħixu barra minn Malta.

L-istħarriġ tal-Kurja min-naħa l-oħra wera li ż-żgħażagħ jippreferu jkunu attivi billi jivvutaw u billi jiffirmaw petizzjoni online, milli jattendu xi laqgħa politika jew jesprimu l-fehma tagħhom fuq il-media soċjali.