Fondi UE
L-ambjent u s-saħħa fost l-iktar li se jgawdu mill-fondi ta’ rkupru tal-UE

Għaddejin it-tħejjijiet sabiex ikunu jistgħu jibdew jitwettqu diversi proġetti ffinanzjati mill-Pjan ta’ Malta għall-Irkupru u r-Reżiljenza li wħud minnhom jissemmew fid-diskors tal-budget għas-sena d-dieħla.

F’6 snin iridu jitwettqu 17-il proġett u 30 riforma li se jiswew €345 miljun bl-Unjoni Ewropea tintrabat li tagħmel tajjeb għal madwar 92% tal-ispiża.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ta rendikont ta’ wħud mill-miżuri.

Fost dawn bosta proġetti ambjentali bħall-għajnuna għax-xiri tal-karozzi elettriċi, l-installazzjoni taċ-charging pillars mal-pajjiż kollu, il-bini tal-moll tal-irmiġġ f’San Pawl il-Baħar, il-bini sostenibbli ta’ skola ġdida kważi ħielsa mill-emmissjonijiet tal-karbonju u l-proġett Shore-to-Ship biex il-vapuri li jidħlu fil-Freeport jużaw l-elettriku mill-grid nazzjonali u b’hekk jonqsu l-emmissjonijiet fl-inħawi ta’ Birżebbuġa.

Is-Segretarju Parlamentari qal li wara li ġie konkluż il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza issa se jkun qed jiġi ffirmat il-ftehim ħalli Malta tirċievi l-ewwel għotja.

Huwa semma wkoll diversi proġetti b’konnessjoni mat-tranziżżjoni diġitali fosthom dak fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Mater Dei.

Fil-qasam tas-saħħa l-fondi Ewropej se jintużaw, fost oħrajn, biex jinxtara apparat sofistikat għaċ-Ċentru tal-Onkoloġija sabiex ikun jista’ jingħata trattament aħjar lill-pazjenti li jimirdu bil-kanċer.

Barra minn hekk se jinbena ċentru ġdid għall-kollezzjoni tad-demm, ipproċessar u ħażna tat-tessuti u ċelloli staminali.