Lokali
L-Amministrazzjoni Pubblika twettaq 81% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali

L-Amministrazzjoni Pubblika rrappurtat li wettqet 81% tar-rakkomandazzjonijiet li sarulha mill-Awditur Ġenerali fir-rapport annwali għas-sena finanzjarja 2018 u rapporti oħra li saru s-sena l-oħra.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, qal li t-twettieq ta’ dawn ir-rakkomadazzjonijiet juri l-impenn tal-gvern li jsaħħaħ u jtejjeb is-servizz pubbliku b’mod li dan ikun imsejjes fuq il-kontabilità.

Għall-ħames sena, il-gvern ta rendikont ta’ l-azzjoni li ħa biex wettaq rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali fuq is-Servizz Pubbliku. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, qal li ġew implimentati 81% tar-rakkomandazzjonijiet li saru mir-rapporti tal-2018 u 2019. Semma wkoll kif f’seba’ snin ir-rakkamandazzjonijet tal-Awditur lill-amministrazzjoni pubblika naqsu bi 42%.

“Turija li l-istrutturi qegħdin jidħlu f’posthom, li hemm sistemi li qegħdin jiġu mibnija peremezz ta’ dawk l-istrutturi li qegħdin jingħataw permanenza. Mhux issir rakkomdazzjoni mill-Awditur Ġenerali li terġa’ ssibha s-sena d-dieħla kif kien igerger l-awditur snin ilu. Illum il-gurnata bil-kontabilità li qegħdin indaħħlu, bis-sistemi li qegħdin indaħħlu, qed naraw entitajiet bħall-ERA u l-engineering resources li qegħdin jinghataw certifikat ta’ good practice,” qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar.

Fost ir-rakkomandazzjonijiet li għamel l-awditur u ġew implimentati kien hemm l-introduzzjoni ta’ sistema tal-informatika għall-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment, analiżi dettaljata tad-direct orders orders moghtija, kif ukoll li ġie assigurat li l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu tħallas biss wara li jkun sar ftehim.

Rakkomandazzjoni oħra li qed tiġi mplimentata tirrigwarda l-qrati tal-ġustizzja fejn qed jiġi assigurat li s-sistema eletronika għall-ġbir tal-multi tkun aġġornata regolarment. Barra minn dan ġie ffirmat ftehim fil-prinċipju bejn il-Qorti u l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, biex jiġi kalkulat it-twettieq tajjeb tas-sentenzi ta’ priġunerija.