Lokali
“L-anniversarju tal-100 sena mill-għoti tal-Kostituzzjoni tal-1921 huwa mezz biex il-poplu japprezza kif Malta saret nazzjon”

Il-President George Vella jara fl-anniversarju tal-mitt sena mill-għoti tal-Kostituzzjoni tal-1921 mezz biex il-poplu japprezza kif Malta saret nazzjon, kif id-demokrazija nbniet ftit ftit u kif nibtu u ssaħħew l-għaqdiet, il-partiti politiċi u l-unions tal-ħaddiema. Hi turija wkoll, qal il-President Vella, kif Malta kienet vittma taċ-ċirkustanzi tal-kolonjaliżmu u baqgħet iġġorr il-konsegwenzi sa ma ħadet l-Indipendenza u saret Repubblika.

Il-President ta’ Malta, George Vella, qal li l-għoti tal-Kostituzzjoni ta’ Gvern Responsabbli lil Malta fl-1921 ma kinitx avveniment li seħħ waħdu iżda kien jirrifletti l-fatt li Maltin xebgħu għaddejjin minn hekk imsejħa kostituzzjonijiet li jassiguraw biss id-dominanza kolonjali tal-Gvern Ingliż u jevitaw b’kull mod li jgħaddu xi forma ta’ tmexxija lill-Maltin. B’din il-kostituzzjoni, il-Maltin ingħataw id-dritt li jkollhom f’idejhom parti mit-tmexxija ta’ pajjiżhom.

Dr Vella qal li b’din il-konferenza virtwali ried ikabbar is-sens ta’ storja fost il-poplu li qal għandu jkollu għarfien tal-isfond li jagħmel il-pajjiż nazzjon.

“Ma nistgħux ngħalqu għajnejna u nassumu li dak li għandna llum kollu ġie hekk qisu nieżel mis-sema u sibnih, bla ma naraw kemm kien hemm diffikultajiet biex akkwistajnih, kemm kien hemm min bata biex akkwistajnih, kemm kien hemm min kien kapaċi li juri t-triq lil sħabu l-Maltin ħalli nimxu u lilna jtina ċ-ċans inkunu kburin b’dak li l-poplu Malti jrexxielu jagħmel minkejja li dejjem kien taħt il-kolonjaliżmu u kien ikkmandat minn ħaddieħor.”

Il-konferenza ddiskutiet il-kisba ta’ din il-kostituzzjoni u r-rilevanza għal-lum. Il-Professur Frances Camilleri Cassar trattat l-irwol tal-mara fil-ħajja pubblika. Semmiet kif f’riċerka dwar x’iwassal biex l-għadd ta’ nisa fil-parlament baqa’ baxx, membri parlamentari rġiel staqsewha kif tippretendi li n-nisa jidħlu fil-politika meta lanqas għandhom ħin biżżejjed għax-xogħol. Qalet li l-preġudizzji, in-nuqqas ta’ finanzi, in-nuqqas ta’ appoġġ u resistenza mill-partiti politiċi nfushom, iżommu lin-nisa lura/ Saħqet dwar il-bżonn li l-partiti jiżguraw li jintgħażlu nisa kandidati biex jiġu eletti.

Il-Professur Raymond Mangion qal li l-Kostituzzjoni tal-1921 tat bidu għas-servizzi soċjali fl-isfond tal-faqar kbir li kien hawn fil-pajjiż. Il-Professur Josann Cutajar tkellmet dwar kif id-distakk fil-ġid jikxef kif il-politiċi jimbuttaw l-aġenda ta’ ċerti gruppi.

L-istoriku Joe Pirotta semma kif l-Ingliżi dejjem raw lill-Malta bħala fortizza u kif f’għajnejhom il-Maltin ma kienu tajbin għalxejn. Il-Professur Pirotta qal li l-Ingliżi ppromwovew il-Malti li kienu jħarsu lejh bħala djalett tal-Għarbi, u allura tal-ebda importanza, biex jippruvaw iwarrbu t-Taljan.

Dun Nicholas Doublet għamel analiżi dwar kif kienu jħarsu lejn ir-reliġjon il-Maltin u l-Ingliżi, bil-Maltin jinsistu li fil-Kostituzzjoni għandha titniżżel li r-Reliġjon Kattolika Rumana hija r-Reliġjon ta’ Malta filwaqt li l-Ingliżi dejjem saħqu dwar il-kunċett tat-tolleranza.