Lokali
L-anzjani fir-residenzi se jkollhom Wi-Fi fil-kmamar tagħhom

Il-Ministru għall-Anzjani u Anzjanità Attiva, Michael Farrugia, ħabbar li sal-aħħar ta’ Marzu d-djar tal-anzjani tal-Gvern se jiġu mgħammra bil-wi-fi aċċessibbli minn kullimkien, biex kull anzjan ikollu ċ-ċans li jkellem lill-qraba b’mod virtwali.

Huwa qal dan meta kien qed iżur l-ewwel dar tal-anzjani li sarilha l-wi-fi aċċessibbli minn kullimkien; li hija dik tal-Imtarfa.

Matul il-pandemija, meta d-djar tal-anzjani kollha kienu f’lockdown, u li għadhom sa issa ristretti milli l-qraba jew ħbieb iżuru lill-arnzjani, l-aċċess bil-wi-fi kien importanti ħafna iktar minn qabel.

Il-Kap Eżekuttiv tal-anzjanità attiva u kura fil-komunità, Dr Renzo De Gabriele, qal li l-pandemija uriet biċ-ċar il-bżonn tal-użu diġitali u li kien għalhekk li bdiet issir ħidma biex kull dar ikollha aċċess diġitali, biex l-anzjani ma jibqgħux iħossuhom waħidhom u jsofru għax kienu mifruda mill-għeżież tagħhom.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li saret ħidma minnufih biex kull dar tal-anzjani li għandu l-Gvern tkun mgħammra bil-wifi aċċessibbli minn kullimkien, bl-ewwel dar attrezzata hija tal-Imtarfa li tilqa’ fiha 123 anzjan. Qabel ma sar il-wifi f’din id-dar l-anzjani kien ikollhom imorru fiz-zona komuni biex ikellmu lill-qraba tagħhom b’mod virtwali. Spjega kif bħalissa qed isir il-wifi fid-djar kollha li għandu l-Gvern, jiġifieri Floriana, Mosta, Mellieħa, Żejtun, Bormla u fl-isptar ta’ Zammit Clapp.

Dr Farrugia sostna li wara perjodu ta’ evalwazzjoni f’kull dar tal-anzjani, sar pjan biex l-anzjani kollha jiġu mgħammra b’livell għoli ta’ servizz, fosthom fid-dar tal-Imsida li se terġa’ tinbena mill-ġdid. “Ħafna minnhom għandhom bżonn jitwaqqgħu u jerġgħu jinbnew għall-faċilitajiet tal-lum u oħrajn xogħlijiet żgħar biex jiġu upgraded għall-ħtiġijiet tal-lum.”

Il-Ministru qal li fl-Imtarfa wkoll se ssir faċilità għad-dimensja, biex l-anzjani li jkollhom din il-kundizzjoni jingħataw kura b’mod mill-iktar professjonali.