L-anzjani Maltin fost l-iktar li siefru u nefqu fl-2014

Statistika tal-Eurostat li ħarġet b’rabta mal-Jum Dinji għat-Turiżmu uriet li fl-2014 l-anzjani Maltin huma t-tielet l-iktar li siefru mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt fir-rigward ta’ dan il-fenomenu Malta hija għal kollox differenti mill-kumplament tal-pajjiżi Mediterranji.

Kien innutat li f’pajjiżi bħar-Repubblika Ċeka u r-Rumanija, kif ukoll f’pajjiżi Mediterranji bħal Spanja, l-Portugall, Ċipru, l-Greċja u l-Italja, l-anzjani ta’ ‘l fuq minn 65 sena jippreferu jieħdu vaganza f’pajjiżhom stess milli jsiefru. Dan ma japplikax għall-anzjani Maltin, li b’82% kienu fost l-iktar li siefru. Kienu biss il-Lussemburgu u l-Belġju l-pajjiżi li l-anjzani tagħhom siefru iktar mill-anzjani Maltin.

Ħareġ ukoll li l-anzjani Maltin, għalkemm ippreferew vaganzi qosra, kienu fost dawk li l-iktar li nefqu flus waqt il-vaganza. Filwaqt li l-medja Ewropea ta’ infiq għal kull anzjan kuljum kienet ta’ €48, l-anzjani Maltin nefqu medja ta’ €93 kuljum.

Intant minn stqarrija separata ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jirriżulta li l-ammont ta’ persuni u l-iljieli li dawn qattgħu fil-lukandi naqas matul Lulju ta’ din is-sena meta mqabbel ma’ Lulju 2015. Filwaqt li kien osservat tnaqqis ta’ 3.2% fil-persuni li joqgħodu f’lukanda, naqsu b’5.4% l-iljieli li l-persuni jqattgħu fil-lukandi.

Madanakollu kienet osservata żieda marġinali fl-ammont ta’ persuni li krew kamra f’lukanda 4 stilel, filwaqt li dawk ta’ 5 stilel baqgħu l-istess. It-tnaqqis sostanzjali kien osservat fil-lukandi ta’ 3 u 2 stilel u f’akkomodazzjoni kollettiva oħra.