Immigrazzjoni
L-Aquarius isalpa minn Malta waqt li l-immigranti jistennew li jitqassmu f’6 pajjiżi

Il-vapur Aquarius ħalla Malta kważi 24 siegħa eżatt wara li fl-Isla daħħal 141 immigrant.

Fi tweet, l-għaqda volontarja SOS Mediterranee’ rringrazzjat lill-awtoritajiet Maltin talli offrew port sigur għall-iżbark ta’ dawn in-nies. Sostniet li hemm bżonn li jsir iżjed xogħol li jassigura mudell sostenibbli ta’ tiftix u salvataġġ sabiex tkun indirizzata l-kriżi umanitarja.

It-tluq tal-Aquarius xejjen rapporti li l-vapur seta’ jinżamm milli jerġa jbaħħar, kif seħħ fil-każ tal-MV Lifeline li f’Ġunju li għadda daħħal Malta 234 immigrant.

Intant, l-immigranti li tniżżlu mill-Aquarius qattgħu l-ewwel lejl fiċ-ċentru tal-Marsa, fejn sarulhom l-eżamijiet mediċi u ngħataw l-ikel u x-xorb, sakemm fil-jiem li ġejjin jibda l-proċess biex jitqassmu fis-sitt pajjiżi Ewropej li aċċettaw li jieħduhom volontarjament. Dawn huma Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, Spanja u l-Portugall.

Kelliem għall-Gvern qal lil TVM li bħalissa għadha qed issir l-evalwazzjoni tal-immigranti u kuntatti mal-awtoritajiet tas-sitt pajjiżi li qablu li jieħdu wkoll il-114-il-immigrant li ddaħħlu nhar it-Tnejn li għadda.

Fil-proċess ta’ identifikazzjoni nstab li l-immigranti ġejjin mill-Bangladesh, il-Kamerun, il-Ghana, il-Kosta tal-Avorju, in-Niġerja, is-Senegal, it-Togo, l-Eritrea, l-Eġittu, il-Marokk u s-Somalja.

Mill-141 immigrant, 97 huma rġiel, 44 nisa, fosthom tnejn tqal, u 73 tfal taħt l-età. Minn dawn it-tfal, iżjed minn 30 mhumiex akkumpanjati u għandhom inqas minn 15-il sena.

Intant, kelliem għall-Gvern qal li l-35 immigrant li l-Erbgħa filgħaxija ntlemħu fuq dgħajsa żgħira qrib Għar Ħasan u aktar tard iddaħħlu f’Xatt it-Tiben mill-Forzi Armati ta’ Malta jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Malta minħabba li Malta assumiet il-kordinazzjoni tas-salvataġġ tagħhom. Dawn l-immigranti ġejjin mil-Libja, l-Eġittu u l-Palestina u fosthom hemm erba’ nisa u disat itfal.