Lokali
“L-aqwa li moqdijin huma!”

Ritratt ta’ għadd ta’ scooters imrekkna fuq bankina fl-inħawi ta’ Tigne, f’Tas-Sliema qajjem diversi reazzjonijiet, b’bosta joħduha qatta’ bla ħabel kontra s-sidien tagħhom li fi kliemhom spiss iġibu ruħhom b’mod egoist.

L-iscooters fi gżiritna żdiedu bil-bosta fl-aħħar xhur. Mezz ta’ trasport, ideali għal distanzi qosra. Madankollu, scooter mhux bħal rota – tista’ ssuqu biss b’liċenzja u jekk reġistrat. Lil hinn mis-sewqan li mhux dejjem ikun bil-galbu, jidher li għad hawn min għadu jipparkja l-iscooter fuq il-bankini kif ġie ġie.

Kif jixhed dan ir-ritratt, li ttella’ fuq Facebook fl-aħħar sigħat, ħames scooters jidhru pparkati maġenb xulxin fi spazju żgħir b’tali mod li spiċċaw jimblukkaw bankina f’Tas-Sliema. Spazju, li kif juru l-marki miżbugħa mal-art, huwa maħsub biex jgħaddu minn fuqu persuni bil-mixi kif ukoll individwi li jinsabu f’siġġu tar-roti.

Għalkemm scooter jista’ jiġi pparkjat fuq il-bankini, il-liġi tgħid li l-iscooters b’ebda mod m’għandhom ixekklu l-aċċess għan-nies.

Il-multi għal min jikser ir-regolamenti tal-iscooters jistgħu jitilgħu għal eluf ta’ ewro. Mill-ewwel tas-sena ‘l hawn, l-Aġenzija LESA ħarġet mas-725 ċitazzjoni b’rabta mal-iscooters – ħafna minnhom minħabba parkeġġ ħażin u perikoluż f’San Ġiljan, f’Tax-Xbiex u proprju f’Tas-Sliema. Lokalità, meqjusa minn diversi, bħala l-mekka tal-iscooters.