Knisja Maltija
L-Arċisqof jgħid li Malta maħkuma mill-marda tar-regħba

“Waħda mill-mardiet li qed jaħkmu l-Istat Malti, jew lis-soċjetà Maltija, huwa proprju l-marda tar-regħba”.

Hekk sostna l-Arċisqof Charles Scicluna fl-omelija tiegħu waqt il-quddiesa li ġiet iċċelebrata fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fl-okkażjoni tal-festa tal-Indipendenza.

Huwa ddeskriva r-regħba bħala espressjoni ta’ individwaliżmu sfrenat fejn l-ewwel jien, it-tieni jien, it-tielet jien u jekk jibqa’ jien ukoll.

Monsinjur Scicluna qal li waħda mis-sintomi tar-regħba hija t-tkerrih tal-pajsaġġ Malti u staqsa jekk għandniex bżonn inkerrħu s-sħubiħja ta’ pajjiżna għal ftit flus.

Huwa rrefera għas-swar tal-Imdina, tal-Belt u tal-Kottonera bħala “arkitettura armonjuża li tgħaxxaq” u staqsa jekk nistgħux ngħidu l-istess għal binjiet oħra.

L-Arċisqof irrefera wkoll għar-reputazzjoni ta’ Malta u qal li lkoll ħerqanin li nkunu kburin biha madankollu saħaq li qabel inwaħħlu f’ħaddieħor, u forsi fil-ġudizzju iebes tiegħu, irridu nagħmlu eżami tal-kuxjenza.

“Forsi l-kilba għall-flus, għall-flus faċli, qiegħda teqred ukoll is-sinsla morali ta’ pajjiżna? U xi kwalità ta’ indipendenza nistgħu niċċelebraw jekk aħna skjavi tas-sens tal-kilba tal-poter u tar-regħba għall-flus? Dawn huma istinti egoistiċi li ma jagħmluniex ħielsa, u jekk aħna niċċelebraw l-indipendenza tagħna u l-ħelsien ta’ pajjiżna minn kull kondizzjonament kolonjali u militari, hemm bżonn nieqfu u naħsbu: imma aħna waqajna f’xi jasar, il-jasar tal-kilba tagħna stess għall-poter jew inkella għall-flus?”.

Fi tmiem l-omelija huwa rringrazzja lill-Istat Malti talli minn żmien il-gwerra ‘l hawn, u b’mod speċjali mill-Indipendenza ‘l hawn, huwa stat li għandu għal qalbu s-servizzi soċjali, is-social welfare, l-għajnuna għall-fqir u l-batut kif ukoll is-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni b’xejn.