Qorti
L-Arċisqof jispiċċa membru tal-ekwipaġġ tal-Lifeline

Ċanfira mill-Maġistrat Joe Mifsud wara li l-Kaptan tal-bastiment Lifeline – Claus Peter Reisch spiċċa l-Qorti għax ma mexiex mal-proċedura stabbilita dwar il-lista tal-ekwipaġġ abbord il-vapur tiegħu.

Dan wara li fiż-żjara li għamel l-Arċisqof u numru ta’ ġurnalisti abbord il-bastiment, ġew imniżżla bħala membri tal-ekwipaġġ. Minħabba proċeduri legali li jinvolvu l-bastiment Lifeline u l-kaptan Reisch, numru limitat ta’ persuni ngħataw il-permess mill-Qorti biex jirrisjedu fuq il-vapur sakemm ikun hemm eżitu finali tal-proċeduri legali.

Il-Qorti innutat li għandha dejjem tintalab l-awtorizzazzjoni tagħha, biex ikun hemm bdil fiċ-ċirkostanzi, jitnizzlu jew jittellgħu oġġetti fuq il-vapur jew ikun hemm ċaqlieq tal-post fejn jinsab ankrat il-vapur. Il-Maġistrat Mifsud qal li fil-lista għall-5 ta’ Jannar meta abbord il-vapur kien hemm l-Arċisqof u anke membri tal-media, dawn spiċċaw imniżżla bħala membri tal-ekwipaġġ. Żied jgħid li dan sar mingħajr mal-Arċisqof stess ġie nfurmat li tpoġġa fuq il-lista tal-ekwipaġġ. Il-Maġistrat Mifsud żied jgħid li l-Arċisqof Scicluna spiċċa bejn il-basla u qoxritha wara li Manuel Delia, f’artiklu tiegħu implika li ż-żjara tal-Arċisqof abbord il-LifeLine kienet sfida minnha nfisha fil-konfront tar-restrizzjonijiet mill-Qorti għal min jitla’ fuq il-bastiment.

Il-Qorti qalet li dan ma kienx minnu u biż-żjara tiegħu l-Arċisqof ma ried jisfida l-ebda ordni tal-Qorti u lanqas biss kien infurmat li tpoġġa fuq il-lista tal-ekwipaġġ tal-vapur. Il-Maġistrat Mifsud ħeġġeġ lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni u lil Transport Malta li jaraw li ħadd ma jitħalla jippreżenta listi tal-ekwipaġġ li ma jkunux veritieri, u ma jħallux dawn l-affarijiet għaddejin mingħajr lanqas biss jitqanqal interess li jivverifikaw x’inhu għaddej.

Fl-istess seduta llum, il-Maġistrat Mifsud laqa’ t-talba tal-kaptan Claus Peter Reisch biex il-kawża tiegħu quddiem il-Qorti, u li kellha titkompla llum, tkun differita għall-21 ta’ Marzu li ġej, minħabba l-istat ħażin ta’ saħħet ommu fil-Ġermanja. Huwa żied jappella wkoll lil Reisch biex fis-seduta ta’ Marzu jippreżenta l-provi li għad irid iressaq ħalli jsiru s-sottomissjonijiet finali u tingħata s-sentenza.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma minn għada se tibda tiswijiet fis-sistema ta’ katusi f’qiegħ il-baħar li jintuża għar-rimi ta’ drenaġġ trattat mill-impjant ta’ Għawdex. Il-ħidma delikata li għandha tieħu madwar tliet ġimgħat…

Kronaka

Raġel ta’ 33 sena weġġa’ gravi f’inċident bil-mutur f’Birkirkara. Il-Pulizija kienet infurmata bl-inċident fi Triq il-Wied għall-ħabta tal-4.45pm. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li s-sewwieq, li jgħix il-Pietà, kien qed isuq…

Saħħa

F’Malta hawn madwar 7,000 persuna li għandhom id-demenzja, bl-istudji juru li l-għadd mistenni jiżdied għal mill-inqas 13,000 sal-2050. L-esperti jemmnu li din hija biss ix-xifer tal-istampa, minħabba li għadd ta’…

Stejjer Umani

Għalkemm il-Maltin ikunu qed jistennew is-sajf bil-ħerqa biex jaqtgħu xi ftit mir-rutina ta’ kuljum tax-xogħol, mhux l-istess jista’ jingħad għal Alfred Attard li ilu aktar minn 40 sena jiġbor il-melħ…

Aktar