Kronaka
L-armi misjuba f’Miġra l-Ferħa: 40 rifles u machine guns

L-armi misjuba jumejn ilu f’qiegħ il-baħar fl-inħawi ta’ Miġra l-Ferħa jinkludu mal-40 rifles u machine guns, b’valur fis-suq ta’ €80,000.

Skont rapport f’Times of Malta, li jikkwota sorsi qrib il-Pulizija, l-armi huma maħsuba li kienu parti minn operazzjoni ta’ traffikar tal-armi bejn l-Italja, Malta u l-Libja.

F’dan iċ-ċirku ta’ traffikar il-Pulizija tissuspetta li kien hemm involuti l-aħwa Robert u Adrian Agius tal-Maksar u Jamie Vella, li qed ikunu mixlija b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u Carmel Chircop.

Qalb l-armi nstab ukoll materjal ta’ splussiv, bid-detonatur li huwa tal-istess għamla bħal dak li ntuża fil-karozza bomba li qatlet lil Caruana Galizia.

Skont it-Times, mhux eskluż li l-armi ntremew fil-baħar qabel it-tliet akkużati ġew arrestati minħabba li kellhom suspett li se jinġabru.

Ir-rapport ikompli jgħid li skont tagħrif tal-Investigative Reporting Project Italy, l-aħwa Agius għandhom rabtiet ma’ gruppi kriminali fl-Italja, il-Libja, ir-Rumanija u l-Albanija.

Allegatament fl-2015 il-Pulizija Taljana rċeviet informazzjoni dwar traffikar illegali tal-armi minn membru tal-mafja Santapaola, li xtara armi mingħand manifattur Slovakk. Wara li l-armi jiġu attivati, huwa mifhum li dawn kienu jintbagħtu Malta, u minn hawn lejn il-Libja.

Ara wkoll:

Armi u splussiv jinstabu f’qiegħ il-baħar f’Miġra Ferħa – mhux eskluż li kienu jintużaw mill-aħwa Agius tal-Maksar