Kultura
L-armla ta’ 88 sena li dak li jaraw għajnejha jagħmluh idejha

Fuq l-għatba tax-xahar tal-Milied, it-tiżjin fid-djar jibda jiżdied. Jinfetħu l-kaxxi mimlija bozoz. Joħorġu l-presepji u tinxtegħel is-siġra tal-Milied.

Għal Consiglia Debono, il-ħin huwa mitqlu deheb. Dejjem għaddejja u d-dar hija xhieda tal-bżulija tagħha kull staġun.

“Qatt ma qtajt qalbi … issa ħarġet it-tifla … waħda minnhom l-istess bħali u l-oħra taħdem affarijiet oħra… kollha hekk it-tfal”.

Li jaraw għajnejha, jagħmluh jdejha u l-eżempju tagħha jkaxkar. Id-dar ta’ Consiglia Debono hija xempju tal-bżulija tagħha.

Mara li dejjem ħadmet. Il-waqfien ma tafx x’inhu. U llum għalkemm għandha 88 sena u armla, xejn ma taħli. Dak li ħaddiehor jarmi, ghaliha huwa kanvas ta’ proġett ieħor.

Laqagħtni f’darha hija u bdiet tarma għall-Milied. Tarma waħedha, għalkemm mhux l-ewwel darba li wliedha jgħidulha biex toqgħod attenta.

Imma l-età ma taqtgħalhiex qalbha. Romlot 14-il sena ilu. Hija u żewġha kienu qaqoċċa. Dejjem ħadmu flimkien. Anke d-dar, tellgħuha biċċa biċċa – hi u hu.

Joseph Debono kien bennej u b’Consiglia miegħu rabbew 7 itfel. Għandhom 14-il neputi u neputija u anke pro-neputijiet li għaliha huma l-mimmi t’għajnejha. Diġà qed jgħidulha x’iriduha taħdmilhom għall-Milied.
“Il-pro-neputijiet diġà bdew jgħidu ‘nanna dan irrid, nanna dan irrid'”.

Ħjata, ikel u ħelu, arti u tant talenti oħra. Id-dar mimlija daqs bajda. Stħajjiltha l-eżempju ħaj tar-riċiklaġġ. Il-ħela dnub qaltli hija u turini kif kull ħaġa tista’ terġa’ tużaha.

“Dawn jinħadmu bl-ispallieri tal-ħadid… jien spallieri tal-ħadid ma narmihomx… jogħġbuni ħafna u nuża minnhom biex naħdem għax jien mhux jien biss nużahom imma nuri lil ħafna nies biex affarijiet li aħna narmu nistgħu nerġgħu nużawhom”.

U t-talent tagħha kiber magħha. Minn tifla ċkejkna tgħallmet mingħand ommha u marret ukoll l-iskola tal-arti.

Ħadmet kollox għal uliedha – mill-ilbies tal-magħmudija sal-libsa tat-tieġ. U l-ħelu u l-ikel huwa l-hena tagħha.

Kienet ħadmet ukoll xogħlijiet għall-mużew fl-Awstrija li malli fetaħ staqsewha biex tagħtihom xi affarijiet assoċjati ma’ Malta.

“Għall-mużew tal-Awstrija ħdimtilhom doily u tajtilhom bis-salib ta’ Malta, ta’ San Ġwann ngħidulu, u bix-xemx. Jiġifieri l-affarijiet li għandna Malta”.

Ħallejt lil Consiglia tkompli toħroġ it-tiżjin tal-Milied. Presepji anke fi flixken żgħar li ħaddiehor rema imma hi sabitilhom skop ikomplu jitgawdew”.

“Dawn it-tubi tad-dawl… dawn il-bozoz li jinqatgħu… dan flixkun tal-fwieħa… qed tarahom? Presepji”.

Iż-żjara għandha timlik kuraġġ, it-tbissima fuq wiċċha xhiedha tad-determinazzjoni li l-ħajja m’għandek qatt taqta’ qalbek tgħixha.