Qorti
L-armla tan-Nutar Ivan Barbara tappella għall-inkjesta fuq frodi

Rosanne Barbara Zarb, l-armla tan-Nutar Ivan Barbara, appellat mill-ordni tal-Qorti biex issir inkjesta fuq il-possibilità ta’ miżapproprjazzjoni u frodi b’rabta ma’ flus li l-klijenti ta’ żewġha kienu għaddewlu f’depożiti għal konvenji.

Is-Sinjura Barbara Zarb, li żewġha miet bil-Covid-19 fl-Indja, qed issostni li ma kinitx taf b’dak li kien qed jagħmel żewġha, u li l-uniku rabta tagħha ma’ dawn il-flus hija li kienet martu.

It-talba għal inkjesta quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo kienet saret minn klijenti tan-Nutar, li qalu tawh eluf ta’ ewro biex jixtru proprjetà u baqgħu b’xejn.

Mart in-Nutar qed tiċħad li bħala ‘accountant’ kienet teħodlu ħsieb il-kotba, u qalet li hi u żewġha kienu jaħdmu indipendentement minn xulxin u kellhom kontijiet bankarji separati, għajr għal wieħed li minnu kienu jħallsu l-bżonnijiet ta’ kuljum.

Hija ċaħdet ukoll li hi u żewġha ħallsu għall-addozzjoni ta’ binthom mill-Indja bil-depożiti tal-klijenti.

Qalet li meta ġiet mill-Indja talbet lill-kollega ta’ żewġha biex jagħtiha rendikont tax-xogħol pendenti li ħalla żewġha, u kien hawn li rrealizzat li kien hemm ħlasijiet pendenti li ma kinux kopruti bil-flus li kien hemm fil-kontijiet tal-klijenti, u għalhekk irrinunzjat għall-wirt.