L-Arti u l-ambjent jistgħu ikomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja

Ray Calleja waqt il-programm ‘Popolin’, stqarr li huwa impossibbli li jkollok il-kwalità tal-ħajja bil-flus biss jew ikollok fatturi oħra u ma jkollokx il-flus. Il-verità hi li biex ikollok livell għoli ta’ kwalità tal-ħajja irrid ikollok kemm flus fil-but kif ukoll numru ta’ elementi oħra li jipprovdu għall-benessere tal-bniedem.

Stqarr li l-arti u l-kultura kapaċi joffru ħafna biex il-kwalità tal-ħajja tmur għall-aħjar. Fil-fatt skond stħarriġ li sar mill-Kunsill Malti għall-Arti jidher ċar li kull min jinvolvi ruħu fl-arti jew il-kultura, kemm bħala spettatur jew bħala parteċipant jtenni li għandu kwalità tal-ħajja aħjar. Żied jgħid li wieħed mill-pilastri għal kwalità ta’ ħajja aħjar huwa l-aspett soċjali.

Andre Callus enfasizza l-bżonn ta’ aktar spazji miftuħa biex iċ-ċittadini jesperjenzaw kwalità ta’ ħajja aħjar. “Il-Kwalità tal-ħajja hi l-kontroll li għandna fuq ħajjitna. F’ħajjitna kemm nagħmlu affarijiet għax irridu u mhux għax sfurzati nagħmluhom?” tenna Callus. Spjega li jekk persuna jkollha tqatta ħajjitha taħdem minn xogħol għal xogħol biex tlaħħaq mal-ispejjeż, il-kwalità tal-ħajja tagħha ser tonqos għaliex indirettament tkun qed tiġi sfurzata taħdem iktar biex tlaħħaq mal-ħajja nnifisha. “Il-flus huma importanti għaliex permezz tal-flus inkunu nistgħu nagħmlu affarijiet oħra. Biss meta l-flus isiru t-tir tal-ħajja hemmhekk tinħoloq diffikultà”. Tenna li ħafna persuni anke jekk jakkumulaw ammont sostanzjali ta’ flus xorta jibqgħu jiġru wara l-karotta biex jakkwistaw iktar, bl-objettiv li xi darba jsiru sinjuri, li fl-aħħar mill-aħħar hija biss illużjoni.  “Għandna bżonn li minflok niffokaw fuq tkabbir ekonomiku bl-addoċċ, naħdmu għal ekonomija u soċjetà iktar ġusta, b’inqas inugwaljanzi”.