Ambjent
“Kif jitlestew il-faċilitajiet f’Tal-Ful, l-ikkampjar f’Kemmuna jsir biss hemmhekk”

L-ikkampjar f’Kemmuna mis-sena d-dieħla ser ikun jista’ jsir biss fiż-żona f’Tal-Ful li tinsab fuq ir-riħ tal-Blue Lagoon. L-ikkampjar f’żona oħra ħdejn il-bajja ta’ Santa Marija huwa biss fuq bażi temporanja u jista’ jsir b’permess speċjali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Dr Louise Spiteri insistiet li kollox irid isir skont il-pjan għall-immaniġġjar ta’ Kemmuna li sar wara diversi studji. Id-deċiżjoni madankollu mhix aċċettabbli għal kulħadd.

Iż-żona f’Tal-Ful fl-aħħar xhur tnaddfet minn Ambjent Malta biex bdiet tintuża għall-ikkampjar f’Kemmuna. Waqt żjara fiż-żona f’Tal-Ful, uffiċjal ta’ Ambjent Malta spjega li għad iridu jinkisbu l-permessi biex jinbnew il-faċiltajiet sanitarji biswit is-sit.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Dr Louise Spiteri qalet lil TVM li diż-żona hija s-sit uffiċjali għall-ikkampjar f’Kemmuna, u spjegat kif għalissa, is-sit li jinsab f’għalqa biswit il-Kappella ta’ Santa Marija, ser jintuża bil-permess sakemm jitlestew il-faċilitajiet kollha f’Tal-Ful.

”Għalissa, id-deċiżjoni hi li hemmhekk ikun temporanju. Ovvjament aħna nixtiequ illi mmorru mal-management plan ta’ din il-gżira, propjament biex din l-attività tkun contained u kkontrollata kif suppost.”

Fuq ix-xaqliba l-oħra ta’ Kemmuna, Louis Bartolo, li ilu jikkampja ħdejn il-bajja ta’ Santa Marija għal dawn l-aħħar 50 sena, wera x-xewqa li jibqa’ jikkampja hawnhekk għax għalih iż-żona tal-Ful, mhix aċċessibbli. Wera inkwiet tiegħu li dan il-post kien il-miżbla ta’ Kemmuna u qal li jibża’ li għad fadal skart perikoluż. Uriena filmat li ttieħdu ġimagħtejn ilu f’tal-Ful wara li ġie mnaddaf.

”Ma tistax tgħid li hija kerha, apparti l-asbestos u l-ħġieġ li hemm, ġo fiha, issa biex inti tmur hemm fuq, speċjalment ikunu bil-familji u bit-tfal, hawn jiġu eluf ta, dak jiġi jagħmel erbat’ijiem dak jagħmel ħmistax, għidli int b’dan l-imbarazz kif sa tmur hemm. Fuq ħdejn il-Blue Lagoon, min hawn, mhux ċajta hux.”

Is-Sur Bartolo qal li lesti jikkampjaw f’Tal-Ful, jekk ikun imnaddaf sew u jkollu t-trasport. ”Jien naħseb li kieku jkollna t-trasport ukoll, imma meta ħa żżid it-trasport ukoll, ħa tkisser it-toroq hawn, biżżejjed kisruhom tal-lukanda t-toroq.”

TVM staqsa dwar l-allegazzjoni tas-sur Bartolo li f’Tal-Ful hemm l-asbestos, Kelliem għall-Ministeru tal-Ambjent sostna li l-post ġie mnaddaf u tneħħa l-iskart kollu li kien hemm. Żied jgħid li jekk hemm traċċi ta’ asbestos dawn jinsabu mirduma, u għalhekk mhumiex ta’ periklu. Il-kelliem spjega li l-awtoritajiet huma infurmati li hemm l-asbestos ħdejn it-torri ta’ Kemmuna u qed isir pjan biex dan jitneħħa wkoll.

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Ikel li tpoġġa fuq ċint biex jittiekel mill-qtates, spiċċa minflok jittiekel mill-firien. Filmat li ttieħed illum viċin il-venda ta’ Marsaskala minn resident juri qtates żgħar iħarsu lejn l-ikel b’nuqqas ta’…

Kultura

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt ħabbret programm ta’ attivitajiet mużikali għall-kapitali, li jinkludi kunċerti fl-apert u proġett bis-sehem ta’ mużiċisti żgħażagħ. L-istil mużikali se jvarja minn attività għal oħra, minn rock sa…

Kronaka

Uffiċjal tas-sigurtà sofra xi ġrieħi waqt attentat ta’ serqa minn ħanut f’Birkirkara. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-5.10pm fil-ħanut tal-Eurosport fi Triq Salvu Psaila. Huwa mifhum li l-uffiċjal tas-sigurtà, raġel ta’ 46…

Qorti

Żagħżugħ inżamm arrestat wara li kien akkużat b’moħqrija tal-annimali. Il-Qorti semgħet kif nhar il-Ħadd li għadda l-Pulizija ssejħu fuq rapport ta’ mara li qalet li binha qed ikun aggressiv. Meta…

Aktar