Qorti
AĠĠORNAT: L-Assistent Kummissarju Abdilla jagħti dettalji tal-investigazzjonijiet Pilatus u 17 Black

L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Ian Abdilla li sa ftit ilu kien responsabbli mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi xehed fl-inkjesta pubblika li qed tara jekk il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia setax ġie evitat. Is-Sur Abdilla qal li t-taqsima, li kellha biss żewġ spetturi, għamlet mijiet ta’ investigazzjonijiet dwar ħasil tal-flus li ħafna minnhom għadhom għadejjin. Mix-xhieda ħareġ li Kieth Schembri u Konrad Mizzi ma kinux imsejħa mill-pulizija dwar il-Panama Papers.

Fil-pedana tax-xhieda, l-Assistent Kummissarju Abdilla wieġeb baraxx ta’ mistoqsijiet mit-tliet membri tal-bord tal-inkjesta kif ukoll mill-avukati tal-familja Caruana Galizia.

Mistoqsi dwar il-Bank Pilatus, is-Sur Abdilla tenna li l-inkjesta Egrant, li ddiskriva li kienet l-akbar inkjesta li qatt saret f’Malta b’esperti barranin, xejnet ir-rapporti li ċ-Chairman tal-Bank Ali Sadr ħareġ mill-bank b’bagalja b’dokumenti. Qal li l-filmat kontinwu tal-kameras tas-sigurtà juru li ma kinux ittieħdu dokumenti mill-bank. Spjega li l-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja ħadet il-miżuri kollha biex jiġi aċċertat li l-ebda informazzjoni ma tħassret u li ġew elevati s-servers kollha.

Mistoqsi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia għalfejn il-Pulizija ma aġixxewx mill-ewwel, is-Sur Abdilla qal li Ali Sadr bħala sid il-bank ma setax ikun suspettat li qed jisraq xi dokumenti. Is-Sur Abdilla qal li Keith Schembri kellu kont fil-Bank Pilatus, iżda Konrad Mizzi ma kellux. Qal li meta investigaw ir-rapporti li rċivew dwar Keith Schembri, ma sabu xejn kriminali fit-tranżazzjonijiet tiegħu.

Dwar il-Panama Papers, qal li qatt ma ntalbet l-għajnuna tal-Europol biex ikunu investigati l-persuni implikati. Mistoqsi mill-bord dwar jekk bagħatx għal Keith Schembri u għal Konrad Mizzi fuq ir-rapporti tal-FIAU, is-Sur Abdilla qal li qatt ma ġew imsejħa d-depot. Il-Prim Imħallef Emeritu, Joseph Said Pullicino, staqsieh dwar parir tal-Avukat Ġenerali f’file li jitratta l-Panama Papers biex dwaru l-pulizija timxi bil-galbu biex jigi evitat l-inkwiet fil-pajjiż. Is-Sur Abdilla qal li ma jiftakarx li kien hemm dak il-parir.

Dwar il-proġett tal-Montenegro u l-involviment tal-kumpanija 17 Black, is-Sur Abdilla qal li ma sabux koperazzjoni mill-awtoritajiet ta’ Dubai. Spjega kif il-Pulizija u l-Maġistrat Charmaine Galea kienu ser jitilgħu Dubai għal-laqgħat dwar mal-Awtoritajiet f’Dubai, iżda din ġiet posposta tliet darbiet u eventwalment tħassret. Is-Sur Abdilla qal li ma’ kull pass ‘il quddiem li kienet qed tagħmel il-Pulizija Maltija, l-Awtoritajiet f’Dubai kienu jibgħatuhom pass lura. Żied jgħid li wara talbu l-Awtoritajiet Franċiżi għall-informazzjoni dwar Cifidex u 17 Black. Is-Sur Abdilla qal li l-Pulizija qiegħda tipprova tibni l-istampa sħiħa tal-interessi ta’ Yorgen Fenech f’Dubai.

Mistoqsi dwar meta ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech fl-uffiċċju tiegħu f’Portomaso, is-Sur Abdilla qal li mar biex jiltaqa miegħu wara li ħareġ rapport li implikah bħala s-sid ta’ 17 Black. Żied jgħid li s-superjur tiegħu, l-eks deputat Kummissarju Silvio Valletta kien informa lill-Pulizija biex ma jmorrux Portomaso għax Yorgen Fenech ma kienx hemm. L-Assistent Kummissarju Abdilla qal li ma kienx staqsa lis-sur Valletta minn fejn ġab l-informazzjoni għax kien irrabjat dwar din l-istruzzjoni.

Parti mix-xhieda tal-Assistent Kummissarju ngħatat bil-magħluq biex ma jkunux preġudikati investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.

Aħbarijiet Oħra
Politika

L-Avukat Ramona Attard, ex ġurnalista u uffiċjal fl-uffiċċju tal-Prim Ministru se tikkontesta għall-kariga ta’ President għall-Partit Laburista. In-nomini fetħu l-Ġimgħa filgħaxija u se jagħlqu l-Ħadd fil-11 a.m. Fuq il-midja soċjali, Attard…

Kronaka

Raġel ta’ 38 sena mir-Rabat, Għawdex, qiegħed jingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei għal ġrieħi gravi li sofra meta ntalaqat minn vettura. Matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tas-00:45, il-Pulizija marru fi…

Aktar