Qorti
L-Assistent Kummissarju Abdilla jkompli jixhed fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

L-Assistent Kummissarju Ian Abdilla fit-tielet seduta tiegħu quddiem il-bord tal-inkjesta dwar jekk il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia seta jiġi evitat, xehed dwar kif il-pulizija trattat il-każ tal-Bank Pilatus wara l-allegazzjonijiet li saru mis-sinjura Caruana Galizia li l-kumpanija Egrant kienet ta’ Michelle Muscat fl-istess jum li s-sid tal-Bank Ali Sadr Hasheminejad ġie iffilmjat ħiereġ b’bagalja mill-Bank.

Fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Assistent Kummisarju Ian Abdilla qal li kien hemm ħafna għidut dwar min kien is-sid tal-kumpanija Egrant u għalhekk il-Pulizija ma tantx tatha importanza.

Mistoqsi dwar il-lejl tal-20 ta’ April tal-2017, meta Daphne Caruana Galizia allegat li Egrant kienet ta’ mart l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, u s-sid tal-Bank Pilatus Ali Sadr deher ħiereġ mill-Bank b’bagalja, is-sur Abdilla irrimarka li dak kien filmat u mhux dirett u li l-każ ġie investigat b’filmati mhux editjati fl-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja. Spjega li l-inkjesta bdiet wara kwerela li saret mill-avukat privat ta’ Muscat.

Żied jgħid li qabel nofs il-lejl ingħalaq l-aċċess għall-uffiċini tal-Bank Pilatus u tan-NexiaBT u l-ewwel persuni li daħlu kien huwa stess flimkien mal-Maġistrat Aaron Bugeja.

Is-sur Abdilla qal li l-Pulizija riedet aktar evidenza qabel tagħmel tfittxijiet f’dawn l-uffiċini.

Dwar is-sur Ali Sadr, qal li wara li l-Pulizija sabet li għandu dar f’Malta u meta ħareġ mill-bank b’bagalja qatta’ l-lejl għand iċ-chief operation officer tal-Bank, Luis Felipe Rivera.

Fi tmiem tax-xhieda tiegħu, is-sur Abdilla qal li tul iż-żmien tiegħu fit-taqsima għar-reati ekonomiċi, huwa żied ir-riżorsi fit-taqsima, u spjega kif 8 spetturi qegħdin jingħataw it-taħriġ biex jaħdmu f’din it-taqsima bħala investigaturi.