Ekonomija u Finanzi
Rappreżentanti tan-negozji jaqblu li l-vawċers jinħarġu iktar tard

Assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw in-negozju laqgħu d-deċiżjoni mħabbra mill-Gvern ilbieraħ, li l-vawċers jingħataw wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati u meta jkunu fetħu l-barijiet u l-każini.

Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) qalet li fid-dawl taż-żieda fil-każi ta’ Covid-19, id-deċiżjoni tal-Gvern li jipposponi l-ħruġ tal-vawċers hija waħda għaqlija.

Żiedet li l-iskop għandu jkun li jkunu protetti l-klijenti u li jkunu evitati iktar żidiet fil-każi ta’ Covid-19, u hekk ikun żgurat li ma jittiħdux miżuri oħra ta’ mitigazzjoni. L-assoċjazzjoni ħeġġet lill-membri tagħha biex ikomplu josservaw il-protokolli mitluba għall-ġid komuni.

Fi stqarrija separata, id-deċiżjoni ntlaqgħet ukoll mill-Kamra ta-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija.

Il-Kamra tenniet il-pożizzjoni li kull deċiżjoni li tittieħed mill-Gvern għandha tkun fl-interess tas-saħħa pubblika, u stqarret li minkejja li ħafna operaturi qed jistennew il-vawċers bil-ħerqa biex jieħdu spinta, is-sigurtà pubblika għandha tingħata preċedenza.

Ara wkoll:

Il-vawċers se joħorġu wara konsultazzjoni u mhux qabel ma jiftħu l-barijiet u l-każini