
L-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta qed titlob li l-attivitajiet tal-massa b’iktar minn 10 persuni ma jitħallewx isiru, u li l-faċilitajiet tas-saħħa jerġgħu jmorru lura għal stat ta’ emerġenza bħal ma kienu bejn Marzu u Ġunju.
Il-MAM ħabbret li tat direttivi lill-membri tagħha li huma vulnerabbli biex jagħmlu biss xogħol amministrattiv jew jaħdmu mid-dar, u lill-membri l-oħra biex jassistu fix-xogħol tagħhom ħalli l-pazjenti jieħdu l-kura li għandhom bżonn.
Wissiet, madanakollu, li jekk is-sitwazzjoni ma tinbidilx sat-Tnejn 3 t’Awwissu, se tkun qed tagħti direttivi lill-membri tagħha biex jagħmlu biss xogħol ta’ emerġenza.
Qalet li qed tirriserva d-dritt li tieħu azzjoni legali kontra min bid-deċiżjonijiet jew l-ommissjonijiet tiegħu jpoġġi l-ħajja tal-professjonisti tas-saħħa f’riskju.
Fl-istess stqarrija l-MAM allegat li hemm interferenza mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-ħidma tas-Supretendenza tas-Saħħa, b’konsegwenza li ġie ddikjarat li l-emerġenza ta’ saħħa pubblika għaddiet, meta qalet li dan mhux il-każ, u li tneħħew il-miżuri ta’ mitigazzjoni jew mhumiex infurzati b’multi.
Qalet li l-Prim Ministru għamel dikjarazzjonijiet li fihom ħeġġeġ lin-nies biex ma josservawx il-miżuri rrakkomandati mis-Supretendent tas-Saħħa, filwaqt li l-Awtorità għat-Turiżmu qed tippromwovi l-attivitajiet tal-massa.
Iktar kmieni l-Assoċjazzjoni tat-Tobba ta’ Malta wkoll appellat li jitwaqqfu l-attivitajiet tal-massa.
Ara wkoll:
L-Assoċjazzjoni tat-Tobba wkoll tappella biex jitwaqqfu l-attivitajiet tal-massa