Immigrazzjoni
L-attitudni tal-Ewropa lejn l-immigranti hija tal-mistħija – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li hija skandaluża u tal-mistħija l-attitudni ġenerali tal-Ewropa quddiem l-eżodu tal-immigranti. Zied jghid li n-nuqqas ta’ sinċerità u rieda politika mil- istituzzjonijiet Ewropew wassal biex xi pajjiżi ħadu miżuri li jżommu lil dawn l-immigranti milli jaslu salvi u waqqfu milli ssir ħidma ta’ salvataġġ fil-baħar minn gruppi mhux governattivi.

F’omelija fil-festa f’Kerċem, l-Isqof Grech stqarr li Malta diġà ħadet il-kwota tagħha, waqt li ċanfar lill-Ewropa li jekk tibqa’ tagħżel li tkun l-Ewropa ta’ Kajjin tkun parteċipi f’dan il-ġenoċidju. Żied jgħid li l-inkapaċità li qed turi l-Ewropa biex tindirizza din il-kriżi umanitarja tikxef li hija marida serjament.

L-Isqof ta’ Ghawdex qal li dan l-atteġġjament kriminali tal-Ewropa ma għandu qatt jiġġustifika li l-Maltin jaghmlu għażliet li bihom jipperikulaw il-ħajja ta’ dawn l-immigranti. Appella lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni biex ma jċedux għall-populiżmu. Monsinjur Grech xebbah din il-kwistjoni ma kumplott diżuman li jista’ jitqabbel mad-deportazzjoni tal-Lhud għal kampijiet konċentrament min-Nazi fit-tieni gwerra dinjija.

L-Isqof Grech qal li huwa inkwetanti fis-soċjetà tagħna għandna dan ir-razziżmu u din l-indifferenza saħansitra fost nies tal-knisja li qal idakkru min dan kollu u semma’ kif l-appell li kien għamel żmien ilu biex il-komunitajiet parrokkjali jadottaw familji tal-immigranti waqa’ fuq widnejn torox għax f’Għawdex ġew adottati biss żewġ familji.