Lokali
L-attendenza fl-iskejjel terġa’ ssir obbligatorja

Mis-sena skolastika li jmiss, il-ġenituri se jerġgħu jkunu obbligati li jibagħtu lil uliedhom fiżikament l-iskola.

Rapporti fil-midja kkwotaw uffiċjali fil-Ministeru għall-Edukazzjoni jgħidu li din id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tal-fatt li l-pajjiż jidher li qed jirkupra sew mill-pandemija tal-Covid-19.

L-eżenzjoni ddaħħlet is-sena li għaddiet fl-eqqel tal-pandemija b’tali mod li l-ġenituri setgħu ma jibagħtux lil uliedhom l-iskola mingħajr ma jittieħdu passi kontriehom.

Dan wassal biex l-attendenza fl-iskejjel naqset bi 15%. Nofs l-istudenti li ma baqgħux jattendu kienu vulnerabbli. In-nofs l-ieħor ma baqgħux jattendu bla ma ġġustifikaw l-assenza tagħhom.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal kien stqarr li kien jinsab imħasseb dwar x’jista’ jiġri jekk l-attendenza fl-iskejjel ma tibqax obbligatorja, fejn dawk it-tfal li jgħixu f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, partikolarment dawk li diġà ma kinux jattendu l-iskola regolarment qabel il-pandemija, kienu se jkomplu jaqgħu lura.

Sostna, li għal xi tfal, l-iskola huwa l-uniku post sigur u għalhekk l-ebda adult responsabbli biex jibgħathom l-iskola ma għandu jitħalla jabbuża mis-sistema u jżomm it-tfal id-dar.

L-Uffiċċju qal li skont ir-rapport tal-UNICEF dawk it-tfal li jħossuhom parti mill-iskola, iktar huma kuntenti bil-ħajja tagħhom.

Intant, fl-aħħar jiem il-Gvern ħabbar id-dettalji tal-liġi l-ġdida tal-edukazzjoni. Fost it-tibdiliet ewlenin, żdiedu b’mod konsiderevoli l-pieni għall-ġenituri li ma jibagħtux lil uliedhom l-iskola. Tant, li minn ftit aktar minn €2 kuljum, b’din il-liġi l-multa telgħet għal bejn €100 u €500 u/jew ħabs għal tliet xhur.