Lokali
L-attivitajiet ma jistgħux isiru f’postijiet residenzjali u lanqas dawk li jkunu bil-kera

Ir-rata għolja ta’ tilqim fetħet it-triq biex minn madwar 3 ġimgħat oħra se jibdew ikunu permessi attivitajiet soċjali u kulturali b’mod ikkontrollat u sigur għall-persuni li għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin tal-Covid.

F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li biex is-sigurtà tal-avvenimenti tkun assigurata, l-attivitajiet għandhom isiru f’postijiet bi dħul ikkontrollat u bilqiegħda. Qal li r-rata għolja tal-vaċċin qed tippermetti li l-pajjiż jissokta bil-pjan ta’ tnaqqis tal-miżuri filwaqt li s-sitwazzjoni tal-Covid tinżamm ikkontrollata.

Fl-istess konferenza l-Ministru Jose Herrera ħabbar li sabiex tingħata spinta lil dan is-settur, fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbru għadd ta’ inċentivi.

Mill-5 ta’ Lulju se jkunu jistgħu jsiru l-attivitajiet soċjali u kulturali b’mod kontrollat u bil-qiegħda, kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra, iżda f’post magħluq fejn ikun hemm l-entratura kkontrollata.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet, u qal li d-deċiżjoni ttieħdet fl-isfond li pajjiżna għandu rata tajba ta’ tilqim, filwaqt li saħaq li n-numri jibqgħu taħt kontroll fil-ġimgħat li ġejjin. Dr Fearne qal li dawk li jattendu għal dawn l-avvenimenti jrid ikollhom iċ-ċertifikat validu tal-vaċċin. Spjega li l-attivitajiet iridu jsiru b’mod kontrollat, bl-organizzaturi jkollhom dettalji ta’ min daħal u jinżammu għal xi ġranet wara, f’każ li jinstab xi każ pożittiv.

Id-Deputat Prim Ministru qal li mill-5 ta’ Lulju se jkunu jistgħu jattendu mitt ruħ, u minn ġimagħtejn wara jiżdiedu għal 150 persuna. It-total jitla’ għal 200 persuna wara t-2 ta’ Awwissu, waqt li spjega li t-total ta’ persuni li jistgħu jattendu għall-attivitajiet ma jinkludix il-ħaddiema tal-post.

Il-Ministru għall-Kultura Jose Herrera qal li dan hu l-ewwel pass sabiex is-settur kulturali jirkupra u sostna li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jitħabbru għadd ta’ inċentivi immirati li jgħinu dan is-settur.

“Kif tul dawn l-aħħar xhur ħloqna inizjattivi u skemi b’valur ta’ kważi erba’ miljun ewro, bħala parti mill-programm ‘Re-Start’, anke f’din il-fażi, fi ftit ġranet, se nvaraw inizjattivi ta’ sapport biex dan il-bidu li qed inħabbru illum ikun wieħed aktar sostnut.”

Il-Ministru Herrera rrimarka li s-settur għandu jara jimxi mar-restrizzjonijiet u l-protokolli, għaliex fi kliemu, jekk il-każi jiżdiedu dan ikun l-ewwel settur li jbati b’żieda fil-miżuri, hekk kif ġara fl-aħħar sena u nofs.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li dan huwa l-aktar settur ta’ riskju, u kien għalhekk li kien l-aħħar wieħed li fetaħ. Il-Prof Gauci spjegat li biex jattendu għal dawn l-attivitajiet, tfal bejn ħames snin u tnax-il sena, flimkien ma’ nisa tqal, iridu jipprovdu test negattiv, waqt li tfal taħt il-ħames snin se jkunu jistgħu jidħlu mingħajr test.

Il-Professur Gauci qalet li meta l-organizzaturi jkunu qed idaħħlu lin-nies iridu jivverifikaw iċ-ċertifikati tal-vaċċin b’tagħmir teknoloġiku apposta li jridu japplikaw għalih mal-Ministeru tas-Saħħa.

“Id-dokumenti, it-testijiet tat-tfal jew inkella ċ-ċertifikat tal-vaċċin irid jiġi ċċekkjat fil-gate ta’ fejn inti se jkollok l-attività u l-organisers ukoll se nagħtuhom il-faċilità li jkunu jistgħu jagħmlu authentication tal-vaccine certificate tagħna.”

Il-Professur Gauci spjegat kif jekk l-attività se ssir barra, irid ikun hemm distanza ta’ bejn 5 u 10 metri biex tevita li jinġabru n-nies. Saħqet li dawn l-attivitajiet ma jistgħux isiru f’postijiet residenzjali u lanqas dawk li jkunu bil-kera. F’dawn l-attivitajiet in-nies ma jistgħux iqumu bilwieqfa ħlief fl-ebda ħin u ma jistax ikun hemm waqfiet għax jista’ jagħti lok li n-nies jibdew jitħalltu.

L-ikel irid ikun servut fuq il-mejda u buffet mhux permess, filwaqt li għandhom jintlibsu l-maskri ħlief meta persuna tkun qed tiekol. Tipjip mhux permess. Kull min se jorganizza xi attività irid japplika għal permess mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.